Lokali

Il-Gvern bla ebda viżjoni għall-ħolqien tax-xogħol

Il-Partit Laburista sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jipprova jikkonvinċi kemm l-ekonomija sejra tajjeb mertu biss tal-Gvern Laburista, kif ukoll kemm ix-xejriet fis-settur tax-xogħol bdew jitjiebu fl-aħħar sentejn u nofs.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mid-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela u mid-Deputat Laburista Silvio Schembri. Filwaqt li ftaħar biċ-ċifri tal-qgħad, Toni Abela qal li l-Baġits ta’ Gvern Laburista tant huma tajbin, li skontu lanqas jitwemmnu.

Mistoqsija dwar il-5,500 impjegat ġdid li l-Gvern Laburista daħħal miegħu fl-aħħar sentejn u nofs, il-kelliema Laburisti għamlu tentattiv biex jiġġustifikaw billi sostnew li dawn daħlu fis-setturi tas-Saħħa u l-Edukazzjoni.

Fl-istess waqt, huma ma riedux jispeċifikaw il-viżjoni tal-Gvern għall-ħolqien tax-xogħol. Barra minhekk, f’attentat biex isemmi l-proġetti l-ġodda li qed joħolqu x-xogħol, Silvio Schembri semma’ biss proġetti li għadhom biss fuq il-karta.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet ikkonfermat biss kemm fl-aħħar sentejn u nofs għadu ma twettaq l-ebda proġett ġdid b’viżjoni ġdida li toħloq ix-xogħol.

Fi stqarrija ta’ tweġiba għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista Mario de Marco, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi qal li l-kelma ‘negattivita’ donnha weħlet f’ilsien Joseph Muscat. Dan meta jekk hawn bniedem li huwa negattiv huwa l-istess Joseph Muscat li quddiem Gvern jgħereq fil-korruzzjoni, qed jagħżel li jagħlaq għajnejh. 

Mario de Marcco qal li inutli Muscat jiftaħar bin-numri, meta l-familji Maltin u Għawdxin mhux iħossu dak li qed jgħidu n-numri. Inutli Muscat jiftaħar bin-numri, meta huma biss il-ftit magħżulin li qed igawdu mill-andament tal-ekonomija.

Minkejja li n-numru ta’ nies bla xogħol naqas, il-verità hi li dan in-numru naqas  prinċiparjament għaliex Joseph Muscat, f’sentejn biss, daħħal 5,500 persuna mal-Gvern, li jfisser 230 persuna kull xahar. Il-verità hi wkoll, kif qal il-Ministru Evarist Bartolo nofs l-impjiegi ġodda mal-privat qed jeħduhom il-barranin għaliex il-pagi huma baxxi. Dan kollu jfisser li minkejja li n-numri jistgħu jidhru tajbin, il-ħaddiema Maltin mhux iħossu dak l-impatt.