Lokali

Il-Gvern għandu jraħħas il-fuel bla dewmien – L-Assoċjazzjoni tal-Konsumatur

Il-konsumatur Malti jeħtieġ jibda jgawdi mir-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt

Il-konsumatur Malti jeħtieġ jibda jgawdi r-roħs qawwi fil-prezz dinji taż-żejt u l-Gvern għandu jraħħas il-fuel bla dewmien. L-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur qalet dan fi stqarrija li fiha saħqet li qed tinsisti mal-Gvern li l-konsumatur Malti għandu jibda jgawdi r-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

Il-prezz dinji taż-żejt minn Ġunju tas-sena l-oħra s’issa waqa’ bil-qawwi fil-prezz fejn minn aktar minn mitt dollaru l-barmil, illum qiegħed anqas minn 50 dollaru.

Dan qed jiġri minħabba l-iżviluppi l-ġodda li seħħew fl-Amerika fejn il-produzzjoni taż-żejt irduppjat u l-Amerika naqqset drastikament l-importazzjoni taż-żejt. Pajjiżi oħrajn ukoll qed jippumpjaw aktar żejt, fosthom l-Arabja Sawdija. Barra minn dan, fi żvilupp importanti u riċenti, l-Iran mistenni dalwaqt jerġa’ jibda jesporta ż-żejt hekk kif jitneħħew is-sanzjonijiet internazzjonali fuqu wara l-ftehim internazzjonali li ffirma fuq l-enerġija nukleari.

L-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur qalet li minkejja dan kollu, il-konsumatur Malti għadu qed iħallas prezzijiet għoljin għall-petrol u d-diesel li ma jirriflettu xejn il-waqgħa ta’ aktar min-nofs li seħħet fl-aħħar sena fil-prezz dinji taż-żejt.

L-Assoċjazzjoni qiegħda tinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-fuels bla dewmien. Dan meta nafu li llum il-petrol u d-diesel huma nefqa sostanzjali u importanti ta’ kważi kull familja Maltija u Għawdxija.

L-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur qalet li qed tinsisti wkoll li l-Gvern jaġixxi fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku li twassal għal ħela kbir ta’ fuel mill-konsumaturi meta qed ikollhom esperjenza ta’ traffic jams regolari anke fl-aqwa tas-sajf meta m’hemmx skejjel u meta ħafna nies jaħdmu nofstanhari jew saħansitra jkunu bil-vaganzi.

Dan qed ikompli jgħarraq is-sitwazzjoni tal-prezzijiet għoljin tal-fuels b’ħela bla bżonn ta’ aktar fuel kif ukoll ta’ ħin prezzjuż għall-familji Maltin u Għawdxin, ittemm tgħid l-Assoċjazzjoni.