Esperti Franċiżi warrbu t-teorija li Yasser Arafat seta’ miet ivvalenat, filwaqt li jemmnu li l-mewta tal-Kap Palestinjan, fl-2004, kienet dovuta għal kawżi naturali.
Ir-riżultat tal-investigazzjoni Franċiża dwar il-mewt ta’ Arafat hu differenti għall-aħħar minn dak tal-investigazzjoni (simili) li kienu mexxew ix-xjenzjati Żvizzeri. Fil-fatt, l-Iżvizzeri, ix-xahar li għadda, qalu li r-riċerka tagħhom, f’dan il-każ, toffri ‘element ta’ appoġġ’ lis-suġġerimenti li Arafat miet wara li spiċċa ivvalenat bil-polonium.
Issa, sorsi qrib l-esperti Franċiżi qed isostnu li l-aħħar rapport jeskludi t-teorija dwar l-ivvalenar, u li l-indikazzjonijiet ixaqilbu lejn mewta naturali.
Iċ-ċirkostanzi dwar il-mewt ta’ Yasser Arafat – rebbieħ tan-Nobel għall-Paċi – li seħħet fi sptar militari qrib Pariġi, f’Novembru tal-2004, ilhom dawn is-snin kollha jiġġeneraw l-għajdut u l-ispekulazzjoni. It-tobba Franċiżi ma setgħux jippreċiżaw il-kawża tal-mewt eżatta f’dan il-każ, filwaqt li ma saret qatt awtopsja fuq il-katavru tal-Mexxej Palestinjan, fuq talba speċifika ta’ martu, Suha.
Madankollu, Suha Arafat hi ddispjaċuta ħafna dwar ir-riżultati u l-kontradizzjonijiet tal-aħħar investigazzjonijiet. Intant, Suha qalet li mhi qed twaħħal f’ħadd dwar il-mewt ta’ Yasser Arafat, fl-età ta’ 75 sena.
Għalkemm ħafna Palestinjani jemmnu li Yasser Arafat kien spiċċa ivvalenat ‘minn Iżrael’ (filwaqt li l-Iżraeljani jiċħdu kategorikament għal dan), kelliema għall-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin qalu li mhumiex iqisu r-riżultat tal-investigazzjoni mill-esperti Franċiżi bħala sorpriża.