Lokali

L-ebda settur partikolari ma jista’ jsolvi l-problema tat-traffiku – Evarist Bartolo

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ngħaqad fil-lista ta’ Ministri tal-Gvern li, minkejja r-roadmap tal-Partit Laburista għat-traffiku, isostni li “il-Gvern ma jistax jagħmel mirakli”.

Il-kumment dwar kif il-Gvern Laburista, permezz tal-Ministru Joe Mizzi, “ma jistax jagħmel mirakli” kien ingħata minn Joe Mizzi nnifsu f’risposti għal mistoqsijiet ta’ dan is-sit.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Edukazzjoni ammetta li l-ebda settur wieħed partikolari ma jista’ jsolvi l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku.

Hu kien qed jiġi mistoqsi minn dan is-sit dwar il-White Paper li ppubblika l-Gvern dwar il-ħinijiet tal-iskejjel u l-konġestjoni tat-traffiku, fejn qed jiġi propost li l-iskejjel jibdew jinfetħu siegħa qabel biex tissolva l-problema tat-traffiku.

Kien hawn li, anke wara kritika ta’ numru ta’ entitajiet, Evarist Bartolo ammetta li din il-proposta mhux se ssolvi l-problema.

Skont Bartolo, mhix aspettattiva serja li wieħed jistenna li l-Gvern Laburista jkollu s-soluzzjoni għall-problema tat-traffiku, minkejja li qabel l-elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista qal li kellu roadmap.

Segwi l-kummenti tal-Ministru Evarist Bartolo għall-mistoqsijiet ta’ Malta Right Now.