Futbol Lokali Sport

Pelle jerġa’ jikkastiga lill-Maltin

F’Firenze t-tim nazzjonali Malti sofra telfa minima ta’ 1-0 kontra l-Italja f’partita minn Grupp H tar-round ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016.

Din kienet is-sitt telfa minn seba’ partiti li lagħab it-tim immexxi minn Pietro Ghedin. Filwaqt li b’din ir-rebħa l-Italja ta’ Antonio Conte kompliet tersaq lejn il-kwalifikazzjoni tal-fazi finali li se tintlagħab fi Franza.

Qabel il-partita, iż-żewġ timijiet osservaw minuta ta’ silenzju b’rispett lejn l-eluf ta’ immigranti li tilfu ħajjithom fil-Mediterran.

L-awtur tal-gowl deċiżiv f’dan il-konfront reġa’ kien l-attakkant Graziano Pelle li f’Ottubru li għadda f’Ta’ Qali kien skorja l-uniku gowl biex ta t-tliet punti lit-tim tiegħu.

L-impenn li jmiss għall-Maltin hu dak ta’ nhar il-Ħadd li ġej f’Ta’ Qali kontra l-Ażerbajġan li minn naħa tagħhom il-bieraħ ġew draw 0-0 kontra l-Kroazja.

Il-Ħadd ukoll l-Italja jmissha tilgħab kontra l-Bulgarija.