Lokali

Peter Paul Zammit jirriżenja minn Kap tas-Sigurtà taċ-CHOGM … 12-il ġimgħa qabel is-Summit

Tnax-il ġimgħa bogħod mil-laqgħat tal-Kapijiet tal-Istati membri fil-Commonwealth (CHOGM), l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit irriżenja minn Kap tas-Sigurtà taċ-CHOGM. Kien Zammit innifsu li kkonferma r-riżenja u ma’ The Malta Independent qal li rriżenja għax lesta l-ħidma li kellu jagħmel biex issa jiffoka fuq il-prattika legali privata tiegħu.

Ħafna qed jistaqsu kif jista’ jkun li dak li suppost se jikkordina s-sigurtà taċ-CHOGM, li se jsir f’Malta f’Novembru li ġej, irriżenja minn din il-kariga importanti 12-il ġimgħa biss qabel. Madankollu, Peter Paul Zammit ġie rrappurtat li qal li ċ-CHOGM jinvolvi ħafna nies u x-xogħol li kellu jagħmel, hu prattikament lest.

Skont Zammit, xogħlu kien li jikkordina l-proċess u li meta ssir il-laqgħa ma kien se jkollu xejn x’jagħmel minħabba li s-sigurtà jieħdu ħsiebha l-uffiċjali tas-sigurtà inkarigati. Stqarr li bagħat ir-riżenja tiegħu tliet xhur ilu u f’dawn il-jiem qed jiskadi l-perjodu tar-riżenja.

Madankollu, f’kummenti li ftit tax-xhur ilu kien ta lil The Malta Independent, Peter Paul Zammit kien ikkonferma li probabbli se jikkordina wkoll is-sigurtà tal-mexxejja Ewropej u Afrikani, li se jkunu f’Malta għas-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika, li se jsir f’pajjiżna fil-11 u t-12 ta’ Novembru.