Lokali

Prodott tal-ikel m’għandux jiġi kkonsmat minn min hu allerġiku għall-karawett

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qed jinforma lill-pubbliku li, wara informazzjoni li rċieva permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf, it-trab tal-bżar aħmar tad-ditta Country (f’bottijiet tal-plastik ta’ 25g u 250g bil-lottijiet kollha li għandhom 150.260 bħala parti min-numru tal-lott) m’għandhomx jiġu kkonsmati minn min hu allerġiku għall-karawett. Dan minħabba li dawn il-prodotti jista’ jkun fihom traċċi ta’ karawett.

Fl-istqarrija ngħad li l-kumpanija involuta rrappurtat li xi prodotti laħqu waslu għand il-konsumatur finali. Għaldaqstant, id-Direttorat qed jappella biex, f’każ ta’ diffikultà, il-pubbliku jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq 2133 7333 (bejn it-8am u s-2.30pm), inkella jibgħat email lil mhi@gov.mt.