Il-kriżi tar-refuġjati li qed jaħarbu mill-faqar u l-orrur tal-gwerra ma setgħetx sabet espressjoni aktar traġika mir-ritratt ta’ tifel mejjet li qed jittella fuq il-bajja ta’ Bodrum, fit-Turkija. Dan wara li d-dinghy li kien fuqha ċ-ċkejken – u li kienet mimlija bir-refuġjati, fosthom qrabatu – inqaleb fil-Mediterran waqt vjaġġ lejn il-gżira Griega ta’ Kos.
Iċ-ċkejken Aylan Kurdi ta’ tliet snin u ħuh, Galip, sentejn akbar minnu, mietu t-tnejn fl-inċident u issa sar magħruf li missierhom kien ipprova jżommhom miegħu waqt li kien imdendel mal-ġenb tad-dinghy maqlub, ‘u qabel ġarrhom il mewġ tal-baħar’.
Il-familja inkwistjoni – il-missier, l-omm u ż-żewġt aħwa – kienu qed jaħarbu mill-vjolenza tas-Sirja, bl-omm, li kien jisimha Rehan, ukoll tispiċċa mgħarrqa.
Kien biss il-missier, Abdullah, li għex minn din l-esperjenza tal-waħx, iżda l-vera ritratt li bikkem id-dinja hu dak li juri membru tal-qawwiet tas-sigurtà waqt li tiela fuq ix-xatt ta’ Bodrum bil-katavru ta’ Aylan f’idu.
Hu ritratt li, filwaqt li jlissen ‘miljun kelma’, jikkaratterizza l-kriżi li qed thedded lill-Ewropa…..Kapitlu ieħor fi traġedja umana, meta eluf ta’ refuġjati u immigranti qed jagħmlu li jistgħu biex jaħarbu mill-‘infern’ tal-Lvant Nofsani.
Aylan u Galip ma kenux lebsin il-life-jackets meta nqaleb id-dinghy, xi nofs-siegħa wara li kien telaq minn Bodrum lejn Kos, bil-passiġġieri – xi sbatax b’kollox – kollha jispiċċaw fil-baħar. Minkejja li l-baħar kien pjuttost kalm, ingħad li l-aħwa ċkejknin ‘xorta ma kellhomx ċans’ u dawn spiċċaw jegħrqu ftit wara.
Il-kurrenti tal-baħar, imbagħad, mexxew il-katavri (li kienu għadhom bit-t-shirts u s-shorts) ‘il ġewwa lejn il-Bajja ta’ Ali Hoca, f’Bodrum, bin-nies fl-inħawi jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet.
Il-familja inkwistjoni kienet qed taħrab mill-belt Sirjana ta’ Kobane, li hi mifnija bil-gwerra, bit-tama li ssib ħajja ġdida fl-Ewropa. Intant, il-missier, Abdullah, identifika l-katavri ta’ martu u uliedu u baqa’ jistenna biex dawn ikunu rilaxxati mill-kamra mortwarja ta’ Mugla, fit-Turkija. Filwaqt li Abdullah esprima x-xewqa biex il-katavri jitwasslu lejn Suruc, f’Sanliurfa, għadu mhux ċar jekk huma, ‘il quddiem, għandhomx jittieħdu lura lejn is-Sirja.
//= $special ?>