Internazzjonali

Sinjali ta’ sorpriża fl-elezzjoni Griega

L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed jindika li l-jiem ta’ qabel l-elezzjonijiet ġenerali tal-20 ta’ Settembru fil-Greċja se jkunu karatterizzati minn tensjoni kbira.
Dan fost is-sinjali li xejn mhu daqstant ċert għaliex dik li sa ftit ilu kienet qed tidher bħala rebħa ċerta għall-Partit Syriza fil-Gvern tista’ tinqaleb kompletament. Barra minn hekk, kibret il-possibbiltà ta’ rebħa għall-Konservattivi tal-Partit għal Demokrazija.
L-istħarriġ għall-Mega TV jindika li l-Konservattivi jinsabu fil-vantaġġ fuq Syriza għall-ewwel darba mindu bdiet il-kampanja. F’dan l-istadju, il-Partit għal Demokrazija Ġdida jidher għandu 25.3 fil-mija tal-appoġġ popolari kontra l-25 fil-mija għal Syriza.
Intant, il-popolarità tal-Kap ta’ Syriza, Alexis Tsipras, tidher qed tbatti, kuntrarju għal tal-Kap Konservattiv Evangelos Meimarakis. Mill-banda l-oħra, mad-29 fil-mija tal-Griegi jidhru jippreferu lil Tsipras bħala Prim Ministru, kontra s-27.1 fil-mija għal Meimarakis.