Edukazzjoni Lokali

Studenti jkollhom imorru għar-resits tal-eżamijiet mingħajr riżultati tar-‘revision of paper’

L-SDM tikkundanna s-sitwazzjoni li tgħid li hi “inaċċettabbli”

L-SDM fi stqarrija esprimiet tħassib għall-fatt l-istudenti li għamlu applikazzjoni għal ‘revision of paper’ wara l-eżamijiet tal-eżamijiet tal-O-level u l-A-level, għadhom ma rċevewx ir-riżultati tal-applikazzjoni tagħha biex il-karta tkun riveduta.

Dan wassal biex studenti kienu sfurzati jagħmlu re-sit tal-eżamijiet peress li ma kienux jafu r-riżultat tar-reviżjoni tal-karta tagħhom.

Student ikun jista’ jagħmel ‘revision of paper’ meta jkun jixtieq li l-karta tal-eżami tkun riveduta sabiex tingħata marka aħjar. Normalment dan iseħħ meta student ma jkunx għadda minn eżami għal ftit marki.

L-SDM ikkundannat din is-sitwazzjoni tlett ġimgħat biss qabel il-bidu tas-sena skolastika l-ġdida, b’ħafna studenti jesprimu diżappunt għal din is-sitwazzjoni, fejn ir-riżultati tar-revision of paper għadhom ma ġewx ippubblikati.

L-għaqda Studenti Demokristjani Maltin qalet li għal ħafna studenti, il-ġimgħat li ġejjin se jiddeterminaw il-futur tagħhom fi skejjel post-sekondarji u terzjarji.

“Sitwazzjoni inaċċettabbli” – Luke Muscat, President tal-SDM

“Hija inaċċettabli li qed ngħixu fl-2015 u l-istudenti jkunu ffaċċjati b’din is-sitwazzjoni, meta suppost l-edukazzjoni tingħata l-importanza,” kienet ir-reazzjoni tal-President tal-SDM Luke Muscat dwar dan kollu.

“Jekk student m’għandux jaqta’ qalbu jekk ma jkunx għadda minn xi eżami u għal din ir-raġuni li importanti li r-riżultati ta’ revision of paper joħorġu qabel ma jaslu s-sessjonijiet tar-resits” saħaq Luke Muscat filwaqt li spjega li “revision of paper mhux biss mezz biex l-istudenti jara jekk verament kienx ħaqqu dik il-marka partikolari, iżda aktar minn hekk biex jitgħallem x’għamel ħażin u b’hekk ikun jista’ jġib marka aħjar.”

Temm jgħid li riżultat ta’ ‘revision of paper’ ftit jiem qabel l-eżami tar-resit jew wara l-eżami hu inaċettabbli u bla użu.