Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjieġi, Tkabbir, Investiment u Kompetittività, appella u stieden lil Malta tieħu inizjattivi biex tibbenefika mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u tikseb suċċess għall-industrija u l-SME’s kif għamlet b’tant suċċess fil-programm Jeremy fis-snin li għaddew.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Viċi President u Kummissarju Ewropew Jyrki Katainen, f’laqgħa mal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Jyrki Katainen faħħar l-eżempju li kienet tat Malta bis-suċċess li kisbet fil-programm Jeremy li minnu tant ibbenefikaw kumpaniji u SME’s Maltin. Il-programm Jeremy kien tmexxa b’suċċess fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u kien tmexxa mill-Bank of Valletta, b’għadd ta’ inizjattivi wkoll li kien ħoloq il-Gvern. Ir-riferenza tal-programm Jeremy, saret mill-Viċi President tal-Kummissjoni lill-Parlamentari Maltin meta spjega l-miri ambizzjużi tal-Pjan Ewropew għall-Investiment.
Dan il-pjan Ewropew li l-Viċi President qiegħed jippromwovi u jispjega fi żjarat li qiegħed jagħmel fl-istati membri tal-UE, jindirizza l-ostakli li hemm fil-preżent għall-investiment, jipprovdi għajnuna teknika u konkreta għal proġetti ta’ investiment anke jekk ikunu ta’ ċertu riskju, u jistabbilixxi riżorsi u sistemi ġodda ta’ finanzjament.
Investiment fl-Ewropa ta’ mhux anqas minn €315-il biljun
Biex il-pjan jilħaq dawn il-miri ambizzjużi, qiegħed ipoġġi għad-dispożizzjoni ta’ dan il-pjan, investiment ta’ mhux anqas minn €315-il biljun għat-tliet snin li ġejjin. Il-pjan jista’ wkoll jiġi estiż jekk ikun hemm rispons qawwi u domanda inkoraġġanti.
Oqsma oħra importanti li jindirizza l-Pjan Ewropew għall-Investiment hu l-għajnuna u l-appoġġ li huma tant meħtieġa biex jitwettqu proġetti b’suċċess u li jħallu l-effett mistenni fuq l-ekonomija tal-istati membri.
Matul il-laqgħa li tmexxiet mid-Deputta Laburista Luciano Busuttil, Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, saru diversi interventi mill-membri parlamentari Maltin.
Filwaqt li l-membri tal-Gvern, Luciano Busuttil u Silvio Schembri, irriferew għall-politika tal-Gvern fil-qasam tal-ekonomija u l-investiment, il-membri tal-Oppożizzjoni, ix-Shadow Ministers u MEPs Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, flimkien mad-Deputati Tonio Fenech, Francis Zammit Dimech u Kristy Debono, tkellmu dwar il-pjan ambizzjuż Ewropew u ressqu diversi mistoqsijiet u ħsibijiet dwar kif is-settur privat u l-SMEs f’pajjiżna jistgħu jerġgħu jibbenefikaw bħalma sar ukoll fil-programm Jeremy fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista.
Appell għal tqassim ġust tal-fondi Ewropej
Tonio Fenech qal li l-Pjan Ewropew għall-Investiment hu wieħed mill-aktar proġetti importanti li qed twettaq il-Kummissjoni wara l-kriżi ekonomika li esperjenzajna fis-snin li għaddew. Staqsa lill-Viċi President tal-Kummissjoni jispjega kif il-Kummissjoni qed tassigura li l-istati membri jkollhom il-mekkaniżmu meħtieġ għal finanzjament ta’ proġetti li jistgħu jiġu finanzjament u jsibu l-appoġġ tal-Pjan Ewropew. Semma s-suċċess ta’ Malta fil-programm Jeremy li tmexxa mill-BOV għall-SMEs, u fisser li l-pjan li qed tressaq il-Kummissjoni hi opportunità oħra għal Malta biex l-SMEs jibbenefikaw għal darb’oħra b’suċċess. Staqsa wkoll kif il-Kummissjoni se tassigura tqassim ġust biex igawdu minn dan il-pjan il-membri stati kollha, u kif se tassigura li jintlaħqu l-miri.
Roberta Metsola enfasizzat ukoll l-importanza dwar tqassim ġust tal-fondi allokati għal dan il-pjan ta’ investiment u saħqet li l-Kummissjoni għandha tagħti kas ukoll li anke membri stati żgħar jidħlu b’inizjattivi u jibbenefikaw. Irrimarkat ukoll li għandu jkun hemm regoli ċari li japplikaw għall-fondi ta’ dan il-pjan.
Francis Zammit Dimech fisser il-pjan bħala inizjattiva b’miri ambizzjużi. Staqsa jekk hemmx xi miri speċifiċi fuq setturi partikolari li dan il-programm qiegħed iħares lejh, u dan biex is-settur privat jifhem ukoll dak li qed tinkoraġġixxi l-Kummissjoni u l-miri li qed timmira għalihom biex jinħolqu wkoll l-impjiegi u x-xogħol.
Therese Comodini Cachia fissret il-pjan bħala eċċitanti u semmiet l-industrija diġitali u kreattiva. Semmiet l-ostakli ta’ kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju biex dawn l-industriji innovattivi f’pajjiżna jikbru u joħolqu aktar impjiegi. Semmiet għalhekk il-ħtieġa tal-infrastruttura meħtieġa għall-industrija diġitali u kif dan il-pjan għandu jħares lejn pjattaforma speċifika biex jiġu indirizzati dawn l-ostakli biex tissaħħaħ l-infrastruttura għas-soċjetà diġitali u dik kreattiva.
Fond li se jappoġġja investiment strateġiku f’oqsma importanti
Fir-rimarki konklussivi wara l-interventi li saru tul il-laqgħa li saret fil-bini tal-Parlament fid-Daħla tal-Belt, il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen semma element ieħor importanti fil-pjan Ewropew – il-European Fund for Strategic Investment (EFSI) – fond ġdid li se jindirizza proġetti kbar li għalihom is-suq ekonomiku ma joffrix l-għajnuna meħtieġa.
Il-fond se jappoġġja investiment strateġiku f’oqsma importanti bħalma huma l-infrastruttura, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll proġetti ta’ riskju finanzjarju għal negozji żgħar.
Spjega wkoll li kumpaniji jistgħu jikkuntattjaw lill-EFSI direttament biex jibbenefikaw minn din l-għajnuna għal proġetti speċifiċi fejn il-proposti għal proġetti jiġu analizzati u eżaminati fuq il-mertu ta’ kull proġett mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda intervent mill-istat membru.
Semma li hemm diversi opportunitajiet fejn is-settur privat f’diversi oqsma jista’ jibbenefika minn sistemi ta’ finanzjament. L-amministrazzjoni ta’ dan il-Fond għadha qed titwaqqaf u għandu jibda jaħdem u jiffunzjona aktar tard ix-xahar id-dieħel.
//= $special ?>