Il-Pulizija fl-Ewropa arrestat xi membri ta’ grupp kriminali li qed juża droga straordinarja biex iwettaq ir-reati li jinkludu l-aktar metodi ta’ serq sfaċċati. Fil-fatt, din id-droga — prodotta fil-Kolombja — hi magħrufa bħala Devil’s Breath (In-Nifs tax-Xitan) u kapaċi tipnotizza l-individwi b’effett immedjat, bir-riżultat li l-vittma jispiċċa jagħmel kulma jgħidlu l-aggressur.
L-esperti u l-investigaturi jaqblu li vittma ta’ attakk bid-Devil’s Breath jispiċċa daslikieku ‘żombie’ mingħajr l-ebda ħjiel ta’ volontà ħielsa jew dispożizzjoni għal reżistenza. Intant, issemma każ fejn mara Ċiniża f’Pariġi avviċinat anzjana bl-iskuża li titlobha d-direzzjonijiet għal xi destinazzjoni u fejn imbagħad ‘nefħet dan it-trab abjad f’wiċċ il-vittma’ li spiċċat misruqa.
Id-droga Devil’s Breath tittieħed mill-għeruq ta’ pjanta li tinstab qalb l-aħrax tal-Kolombja, l-Ekwador u l-Veneżwela. Intant, il-gruppi kriminali fl-Ewropa qed jużawha fuq il-vittmi bl-iskop li dawn ikunu ‘persważi’ biex iċedu l-aktar affarijiet personali ta’ valur, bl-awtoritajiet f’Pariġi jirrappurtaw diversi każi tipiċi.
Il-pulizija huma partikolarment allarmati dwar l-effett ipnotiku tad-droga li tiffaċilita daqstant ir-reati. Dan meta d-Devil’s Breath kienet imfissra — waqt dokumentarju riċenti fuq it-Televiżjoni — bħala ‘l-aktar droga tat-twerwir fid-dinja’.
Jingħad li aġenti tas-CIA Amerikana kienu użaw din is-sustanza partikolari bħala truth serum biex jieħdu l-informazzjoni mingħand persuni speċifiċi. Mifhum ukoll li n-Nażisti ta’ Adolf Hitler ukoll sfruttaw il-kwalitajiet ta’ din id-droga għall-esperimenti malinni u xokkanti.
Min-naħa tagħha, Miriam Gutierrez, espert dwar it-tossikoloġija bbażata f’Bogota (fil-Kolombja), spjegat li d-droga Devil’s Breath, mill-aspett mediku, hi s-sustanza perfetta għal kriminal li jrid iwettaq reat. ‘Dan għaliex il-vittma se tispiċċa dejjem fi ‘trance’ u m’hi se tiftakar xejn ladarba jgħaddulha l-effetti’.
//= $special ?>