Lokali

Ċertifikat mill-aqwa għall-amministrazzjoni preċedenti mill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea

Jgħid li r-riformi ekonomiċi li twettqu f’Malta fl-aħħar snin qed iħallu l-frott

Ċertifikat mill-aqwa għall-mod kif l-amministrazzjoni preċedenti investiet fl-ekonomija Maltija u wettqet ir-riformi neċessarji. Iżda fl-istess waqt hemm bżonn li issa jsir aktar investiment.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju Ewropew Jyrki Katainen qal dan waqt żjara li għamel lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hekk kif jinsab fuq żjara uffiċjali f’Malta.

Katainen kien qed jitkellem dwar il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea għall-investiment, pjan li mistenni jagħti l-ħajja lill-ekonomija Ewropea wara l-kroll finanzjarju ta’ ftit snin ilu.

Waqt il-laqgħa li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fl-uffiċju tiegħu fil-Parlament, Katainen ta ċertifikat lill-amministrazzjoni preċedenti, li fis-snin li għaddew bdiet twettaq ir-riformi neċessarji.

Fil-kumment tiegħu, Katainen qal li hu studja bir-reqqa l-ekonomija Maltija fejn jidher ċar li l-pajjiż qed jibbenefika mir-riformi li kienu saru fis-snin li għaddew. Għaldaqstant, kompla jgħid Katainen, Malta hi eżempju fejn ir-riformi li saru issa qed iħallu l-frott.

Iżda filwaqt li ta dan iċ-ċertifikat dwar riformi ekonomiċi u fiskali li saru fis-snin li għaddew, u allura mill-Gvern Nazzjonalista, il-Kummissarju Ewropew bi twissija li issa, l-investiment għandu jkompli jsir, għax l-investiment naqas anke’ f’Malta.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Kummissarju Ewropew, li hu responsabbli mill-Impjiegi, t-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittivita’, kellu laqgħa mal-Viċi-Prim Ministru Louis Grech, mal-membri tal-Kumitat Parlamentari Malti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kumitat Permanenti Malti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

Qabel il-laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea ddawwar fl-Uffiċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni u ntwera wkoll xi pitturi li qed jiffurmaw parti mill-esebizzjoni ‘Perspettiva’ li qed tittella’ mill-Partit Nazzjonalista fil-bini tal-Parlament