Internazzjonali Lokali

“Din m’hijiex problema tal-Mediterran, iżda problema internazzjonali” – Katainen

Għandha tinstab soluzzjoni biex dawn il-persuni ma jkollhomx għalfejn jitilqu mill-pajjiżi tagħhom

– il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen

“Din m’hijiex problema tal-Mediterran jew tal-Ewropa, iżda problema internazzjonali.” Kliem il-Viċi-President u Kummissarju Ewropew Jyrki Katainen waqt li kien qed jitkellem f’laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-bini tal-Parlament il-Ġimgħa waranofsinhar.

Il-Kummissarju Ewropew jinsab Malta fuq żjara uffiċjali.

Waqt il-laqgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li meta nitkellmu dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni, ma nkunux qed nitkellmu dwar il-merkanzija taqsam minn pajjiż għall-ieħor – iżda dwar bnedmin.

Simon Busuttil kien qed jirreferi għar-ritratti li dan l-aħħar ħasdu lid-dinja, taċ-ċkejken Aylan Kurdi, mejjet fuq ir-ramel f’bajja fit-Turkija, hekk kif il-problema tal-migrazzjoni qed tkompli tikber.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta wieħed jara ritratti bħal taċ-ċkejken Aylan Kurdi mejjet fuq bajja, jirrealizza li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tagħmel iktar dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni, għax il-migranti m’humiex sempliċiment merkanzija li taqsam minn pajjiż għall-ieħor.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju Ewrope Jyrki Katainen saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha turi solidarjeta’ mal-pajjiżi affetwati, filwaqt li tenna li l-problema tal-migrazzjoni hija problema internazzjonali.

Qal li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tikkopera fil-qrib ma’ istituzzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jinstabu soluzzjonijiet biex dawn il-persuni jingħataw l-għajnuna meta jkunu għadhom fil-pajjiżi tagħhom, u b’hekk ma jkollhomx għalfejn jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li toffri l-id tal-għajnuna u l-appoġġ lejn l-Unjoni Ewropea fil-ħidma tagħha biex tinstab soluzzjoni effettiva fuq il-kwistjoni tal-migrazzjoni.