Lokali

Filmat: 1,200 terminu dwar il-piroteknika

Pajjiżna għall-ewwel darba għandu kollezzjoni, jew dizzjunarju ta’ kliem u espressjonijiet marbuta mal-qasam tal-piroteknika. Dan wara sentejn ta’ ħidma minn Carlston Grima fil-kitba tal-istudju Soċjolingwistiku fuq ir-Reġistru tal-Piroteknika Maltija.

Id-dizzjunarju hu parti minn studju fuq livell ta’ Master mhux biss tat-termini kollha li jintużaw fil-qasam tal-piroteknika, iżda anke’ l-varjazzjonijet li jeżistu f’Malta.

Iżda xi jfisser meta nitkellmu dwar il-varjazzjoni? Carlston jispjega li terminu partikolari, jista’ jkun magħruf b’mod differenti skont il-kamra tan-nar.

Il-piroteknika hija sengħa hajja mhaddma minn piroteknici żgħażagħ u anzjani b’mod volontarju, biex wara ħafna sagrifiċċju jsarrfuh fi prodott jew xogħol tan-nar li jiddistingwixxi l-gżejjer Maltin minn kull pajjiż ieħor.

F’Malta u Ghawdex hawn b’kollox 32 kamra, u biex seta’ jagħmel l-istudju tiegħu, Carlston tkellem ma’ kull kamra tan-nar.

L-istudju minn Carlston Grima juri li ma tantx hemm varjazzjoni fil-kliem li jirreferu għall-elementi u s-sustanzi kimiċi – peress li l-kliem huwa l-istess għal kulhadd minħabba t-teknikalita’ tagħhom.

Madanakollu, il-livell ta’ varjazzjoni hu hafna ikbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess tal-logħob tan-nar, in-nar tal-ajru u n-nar tal-art. Dan peress li f’dawn l-oqsma, jidher li kull kamra għandha ħabta trabbi l-identita’ piroteknika tagħha – u għalekk joħorgu d-differenzi bejn il-kmamar u l-irħula.

B’hekk, l-istudju jigbor aktar minn 1,200 terminu marbut mal-logħob tan-nar. Ix-xewqa ta’ Carlston Grima issa hija li d-dizzjunarju jkun pubblikat biex ikun jista’ jservi ta’ għodda utli għad-dizzjunarju Malti li preżentament huma sajmin hafna mill-kliem u t-tifsiriet ta’ din is-senħha.