Il-Gvern l-ewwel ħalla żmien twil mingħajr ma ndirizza l-problema tat-traffiku, u issa, meta din il-problema laħqet livelli li qatt ma kien hawn bħalhom, irid jitfa’ t-tort fuq l-istudenti u l-għalliema.
Stqarru dan ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Iklin, fejn ta’ kuljum ix-xufiera jqattgħu ħin twil imwaħħlin fit-traffiku.
Therese Comodini Cachia fakkret kif il-White Paper tal-Ministeru tal-Edukazzjoni tindika li l-idea tal-Gvern hi li l-iskejjel jibdew jiftħu siegħa qabel wara li l-problema tat-traffiku splodiet għal livelli bla preċedent.
Hi qalet li hu inaċċettabbli li l-Gvern jitfa’ l-problema fuq l-istudenti u l-għalliema u kompliet li minkejja li wara r-reazzjoni negattiva, il-gvern bħal donnu beda jirtira mill-proposta, din kienet diġa’ ssemmiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors tiegħu tal-budget.
Minn naħa tagħha Marthese Portelli tkellmet dwar l-attitudni tal-Gvern li tela’ b’għajta li kellu pjan lest u road map biex kif jibda jiggverna jibda jieħu azzjoni. Imma minflok qed juri nuqqas ta’ azzjoni u direzzjoni f’ħafna setturi b’deċiżjonijiet sparodiċi u bl-addoċċ.
Semmiet fost l-oħrajn proposta li saret għaxar xhur ilu mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, jiġifieri li t-trasport għall-istudenti jkun b’xejn, biex b’hekk iktar ġenituri jagħżlu li ma joħorġux bil-karozzi tagħhom.
Madankollu dakinhar il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-membri tal-Gvern ipprovaw jirridikolawh. Issa jidher li l-Gvern qed iħares lejn din il-proposta bħala waħda mis-soluzzjonijiet.
Mistoqsija mill-ġurnalisti, Portelli semmiet it-taħwid tal-Ministeru tat-Trasport, li jagħlaq numru ta’ toroq bl-addoċċ biex isiru x-xogħlijiet imma mingħajr pjan għat-traffiku.
Fid-dawl ta’ dan, ix-Shadow Ministers tal-Oppożizzjoni enfasizzaw fuq il-bżonn ta’ pjan serju u ħolistiku. Il-Gvern irid jammetti li t-traffiku hu realta’, żdied u jirrealizza li l-problema hi dovuta għal ħafna fatturi.
//= $special ?>