Lokali

Il-KL ta’ Ħ’Attard b’petizzjoni kontra l-istorbju tal-istabbilimenti

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard għaddej b’petizzjoni li għandha l-għan li titwassal il-karba tar-residenti dwar l-istorbju esaġerat minn stabbilimenti tad-divertiment fil-limiti tal-lokal u b’mużika għolja li tibqa’ għaddeja sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Barra minn hekk fl-aħħar xhur, il-Kunsill kellu sensiela ta’ laqgħat mal-Pulizija u s-sidien ta’ stabbiliment ewlieni li jiġġenera l-akbar inkonvenjent għar-residenti b’mużika għolja tard filgħaxija u s-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Il-Kunsill stqarr li dawn il-laqgħat saru riżultat tal-ilmenti ġustifikati li l-Kunsill jirċievi b’mod kontinwu mingħand ir-residenti u fi stqarrija ħabbar li jinsab determinat li b’kordinazzjoni mal-imsieħba kollha konċernati tinstab soluzzjoni ġusta, prattika u dejjiema għal din il-problema li qed taffettwa aktar minn 10,650 resident f’Ħ’Attard.

F’dan il-kuntest, il-Kunsill qed jipproponi li jkun hemm limiti fuq il-ħsejjes u li jidħlu fis-seħħ liġijiet stretti li jipprovdu l-għodda meħtieġa lill-forzi tal-ordni biex tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra min jikkawża tniġġiż mill-ħsejjes.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard stqarr li jemmen bis-sħiħ li kull resident għandu d-dritt għall-mistrieħ u li dan id-dritt għandu jiġi mħares.

Il-firem tar-residenti ta’ Ħ’Attard b’rabta ma’ din il-petizzjoni jibqgħu jintlaqgħu fl-uffiċċji tal-Kunsill sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2015.