Il-Kunsill Studenti Junior College (KSJC) u l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) fi stqarrija konġunta appellaw għal azzjoni fuq problema rikorrenti – dik li r-riżultati tar-revision of paper tal-eżamijiet tal-O-level u l-A-level għadhom ma ġewx pubblikati.
Dan wara li, aktar kmieni, l-Għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) diġà kkritikat l-awtoritajiet għall-fatt li studenti kellhom jerġgħu jersqu għall-eżamijiet li minnhom m’għaddewx peress li baqgħu mingħajr ir-riżultati tar-revision of paper.
F’din l-aktar stqarrija riċenti, il-KSJC u l-KSU qalu li jinsabu inkwetati rigward din il-kwistjoni. Filwaqt li jifhmu li l-Bord tal-MATSEC jiltaqa’ ma’ problemi li jwasslu għal dewmien fil-proċessi tar-reviżjoni tal-karta tal-eżami, il-proċess għandu jsir bl-aktar mod effiċjenti u bil-għan li jinżamm l-interess tal-istudenti fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom.
Iż-żewġ kunsilli tal-istudenti spjegaw li l-għan tar-revision of paper hu li jew tkun ikkonfermata jew tiżdied il-marka oriġinali, u għaldaqstant, fir-realtà l-istudenti jużaw dan il-proċess bħala sors ta’ feedback rigward l-eżami preċedenti biex ikunu jistgħu iħejju ruħhom aħjar f’każ li jkunu se jerġgħu ipoġġu għal xi eżami supplimentari.
Fl-istqarrija tagħhom, kemm il-KSJC kif ukoll il-KSU, ħeġġew lill-Bord tal-MATSEC biex jindirizzaw din il-problema u tinħoloq soluzzjoni fit-tul għal din il-problema rikurrenti.