Internazzjonali

Jippruvaw inaqqsu ‘il-ġenn’ dwar il-ferrovija tan-Nażisti fil-Polonja

L-aħbar dwar is-sejba ta’ ferrovija tad-deheb minn żmien in-Nażisti qanqlet ferneżija kbira fil-Polonja u ‘l hinn minnha, iżda llum hemm min qed isejjaħ għal ‘sens ta’ perspettiva’ u biex ‘jieqaf dan il-ġenn kollu’.

Jingħad li l-ferrovija nstabet moħbija f’mina qalb il-foresta fiz-zona ta’ Walbrzych, fil-Polonja. Hemm, intant, indikazzjoni li xi nies li bdew kaċċa għat-teżor fl-inħawi sabu ‘ajkla tal-era Nażista’, muniti tad-deheb u elementi oħra tat-Tieni Gwerra ‘meqjusa bħala provi tal-ferrovija li kienet qed iġġorr l-affarijiet imprezzabbli, inklużi ġawhar.’

Il-ħafna diskors dwar ‘ferroviji’, ‘il-mina’ u ‘t-teżor’ kompla jrewwaħ l-ispekulazzjoni, b’żewġ irġiel li qalu li rkupraw oġġetti ta’ valur mis-sit isostnu li ‘għad hemm ħafna minn dan it-teżor’. Huma qed jgħidu li ‘f’każ li l-ferrovija qiegħda tassew fil-mina, allura m’hemmx limitu għal dak li jista’ jinstab u s-sinifikat tiegħu’.

Ladarba wieħed ‘jitla’ ‘l fuq minn dan il-ġenn’ jista’ jiftakar li m’hix daqstant diffiċli li jinstabu l-oġġetti tan-Nażisti f’Walbrzych, li fit-Tieni Gwerra serviet bħala kwartier-ġenerali għall-qawwiet ta’ Adolf Hitler. Madankollu, anki l-Gvern Pollakk qed irewwaħ ‘il-leġġenda’ fost diskors li hu kważi ċert mill-preżenza tal-ferrovija fil-mina. Issemmiet anki l-probabbiltà li l-ferrovija għandha l-ħaġar prezzjuż flimkien ma’xogħlijiet tal-arti u dokumenti storiċi ‘għall-arkivji’.

Il-każ ifakkar ħafna f’xi tema ta’ ‘Indiana Jones’ u l-kaċ ċa għat-teżor qajjem interess anki f’pajjiżi mbiegħda bħall-Ġappun – tant li numru ta’ Ġappuniżi qegħdin imorru fil-Polonja bl-iskop li jaslu fis-sit tal-ferrovija.

Iżda l-indikazzjonijiet huma li l-ħidma ta’ skavar għall-ferrovija m’għandhiex tibda qabel ir-rebbiegħa. Kelliema għall-militar Pollakk sostnew li s-suldati m’għandhomx jittrasferixxu għaz-zona qabel l-esperti militari jkunu wettqu stħarriġ fil-lokalità fejn jingħad li għebet il-ferrovija.

Intant, fil-jiem riċenti, l-awtoritajiet lokali wrew li huma ‘anqas konvinti’, bl-esperti jsejjħu biex ‘jikkonkludu l-ġenn darba għal dejjem’ u biex il-ħidma ta’ skavar jibda minnufih.

Anki waqt li t-turisti affaxxinati qegħdin ikomplu jaslu f’Walbryzch, ir-residenti lokali, illum, qed jinsistu biex l-awtoritajiet juruhom ‘provi u fatti rrifjutabbli’ li l-ferrovija xxaqleb aktar ir-realtà milli l-leġġenda.