Internazzjonali

Joffri biex jixtri gżira ħalli jgħin lir-refuġjati

Biljunarju Eġizzjan qed joffri li jixtri waħda mill-gżejjer tal-Greċja jew l-Italja bil-ħsieb li jiżviluppaha bl-iskop li jgħin il-mijiet tal-eluf tan-nies li qed jaħarbu mis-Sirja u zoni oħra ta’ konflitt.

Naguib Sawiris, sinjurun fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, ħabbar din l-inizjattiva fuq Twitter. Hawnhekk hu qed iħeġġeġ biex xi ħadd mill-Greċja jew l-Italja jbiegħulu gżira ‘u fejn, f’dan il-każ, ikun lest li jiddikjaraha indipendenti’. Intant, Sawiris ikun anki lest biex jipprovdi x-xogħol lir-refuġjati li jkollhom anki sehem fil-bini ta’ pajjiżhom.

Minn Jannar ‘il hawn għerqu ‘l fuq minn 2,300 persuna li ppruvaw jaqsmu bil-baħar lejn l-Ewropa. Ħafna minn dawn kienu Sirjani li qed jaħarbu mill-konflitt tas-Sirja li ilha għaddejja għal erba’ snin u nofs.

Il-kummenti ta’ Sawiris isegwu l-każ traġiku tat-tfajjel Sirjan Kurd, Aylan Kurdi, li l-katavru tiegħu instab, ftit tal-jiem ilu, fuq bajja tat-Turkija wara li kien għereq, flimkien ma’ qrabatu, waqt vjaġġ fil-Mediterran.