Lokali

Konferma li TM ma tistax tlaħħaq mal-lista twila ta’ stennija

Lista ta’ stennija twila għall-istudenti li applikaw ma’ Transport Malta biex jitilgħu għat-test tal-prattika biex jakkwistaw il-liċenzja tal-karozza.

Issa l-konferma waslet mingħand Transport Malta stess hekk kif, fi tweġiba bid-dritt għar-risposta li waslitilna, ġejna avżati li Transport Malta għaddejja mill-proċess li timpjega eżaminaturi ġodda ma’ dawk li diġa’ hemm.

Dan hekk kif ninsabu infurmati li fit-triq qed joħorġu biss madwar tliet karozzi kull siegħa għat-testijiet meta fil-passat kien ikun hemm madwar disgħa. Xi ħaġa li ma kienitx miċħuda minn Transport Malta.

It-tweġiba kienet mibgħuta minn Transport Malta wara li fl-aħħar jiem dan l-istazzjon wassal l-ilmenti tal-istudenti li applikaw għat-test u l-kumpaniji tat-tagħlim tas-sewqan hekk kif uffiċjali ta’ Transport Malta jidher li qed jevalwaw l-applikazzjonijiet ta’ persuni li applikaw biex jitilgħu għat-test tal-prattika f’Lulju li għadda.

Filfatt fit-tweġiba tagħha Transport Malta ma ċaħditx din l-informazzjoni, anzi t-tort donnu ntefa’ fuq l-iskejjel tas-sewqan hekk kif fl-istqarrija jingħad li t-testijiet isiru f’xi Sibtijiet ukoll, iżda ftit skejjel jużaw din il-ġurnata.

Fl-istess stqarrija, Transport Malta spjegat li matul ix-xahar t’ Awwissu saru 756 test;  madwar 36 test kuljum. Imma dan ma jiġġustifikax dewmien li f’xi każi jlaħħaq ix-xahrejn, u li jidher li hu dovut minħabba li kull ġimgħa żewġ eżaminaturi jkunu allokati għat-testijiet tal-muturi u ġurnata oħra għax-xufiera tal-karozzi tal-linja.