“Ħafna qed jinterpretaw il-bidla proposta għall-qasma tal-MEPA bħala pass kbir lura fil-livell ta’ trasparenza, kontabilita’ u aċċess għall-iskrutinju pubbliku. Dan l-uffiċċju jaqsam dan it-tħassib.”
Kliem il-Perit David Pace, Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman li kienu mfissra fil-kummenti uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman f’ittra lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-Abbozzi li qegħdin jiġu diskussi fil-Parlament inaqqsu ferm mill-livell ta’ parteċipazzjoni kif ukoll ta’ skrutinju mill-pubbliku u għaldaqstant hemm bżonn li jsiru emendi fl-abbozzi sabiex din il-problema tiġi indirzzata.
Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar qal li l-qasma fil-MEPA hi proċess li kien imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern u għalhekk din il-wegħda għandha titwettaq. Madanakollu, il-proċess irid ikun immirat saboex l-Awtoritajiet tal-Ippjanar u tal-Ambjent ikun iktar effiċjenti mill-MEPA, inaqqsu l-burokrazija u jassiguraw li l-ħidma taż-żewġ awtoritajiet tkun waħda trasparenti, u tħalli lok għal skrutinju u parteċipazzjoni mill-pubbliku f’kull livell.
Dwar l-Abbozz tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar qal li l-abbozz qed jipproponi struttura li tikkonċentra ħafna poter f’idejn ftit persuni.
Kif propost, il-Kunsill Eżekuttiv se jitmexxa minn ħames persuni. Minbarra dan, il-Ministru responsabbli se jkolli poteri wiesgħa ħafna fuq dan il-Kunsill.
Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar ippropona li l-membri ta’ dan il-Kunsill, jew almenu iċ-Chairperson Eżekuttiv, għandhom ikunu maħtura mill-President wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Jekk dan ma jistax isir, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar ippropona li l-ħatra ta’ dawn il-membri għandha tiġi fis-seħħ biss wara li jkunu approvati mill-Kumitat Permanenti għall-Ambjent u l-Ippjanar tal-Parlament.
Dwar l-Awtorita’ tal-Ambjent, il-Perit David Pace qal li f’dawn l-aħħar żminijiet, possibilment anki minħabba l-proċess ta’ demerger, is-sezzjoni tal-ambjent fil-MEPA ma tantx ingħatat importanza. Hu sejjaħ għal tisħiħ urġenti tal-istrutturi billi jiżdiedu r-riżorsi umani kwalifikati megħjuna minn riżorsi materjali sabiex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tal-pajjiż fil-qasam ta’ riċerka u monitoraġġ.
Anki t-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar għandu jkun maħtur mill-President b’konsultazzjoni mal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dawn il-membri għandhom ikunu esperti tekniċi f’oqsma differenti għandhom ikunu impjegati fuq bażi full-time.
//= $special ?>