Hu suspettat li membru tal-Qawwa tal-Ajru Olandiża vvjaġġa lejn is-Sirja bl-iskop li jissieħeb mal-militanti tal-ISIS.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Olanda identifika lir-raġel bħala surġent ta’ 26 sena. Ingħad li s-surġent, issa, spiċċa sospiż mis-servizz, u l-awtoritajiet Olandiżi rtirawlu kull aċċess għal xi informazzjoni sigrieta militari.
L-istess awtoritajiet, bħalissa, qed jinvestigaw il-firxa tar-radikaliżmu qalb il-militar tal-Olanda. Dan meta l-qawwiet tal-ajru Olandiżi għaddejjin bl-impenji fil-Ġordan bħala parti mill-missjoni kontra l-ISIS fl-Iraq.
Min-naħa tagħhom, sorsi infurmati qalu li s-surġent suspettat ma kienx involut f’din il-missjoni, u l-allegazzjonijiet dwaru qed ikunu investigati mill-prosekutur pubbliku.