Kompliet il-kriżi fl-Ungerija fejn is-sitwazzjoni bejn mijiet ta’ refuġjati u l-awtoritajiet tal-pajjiż kienet għadha staġnata. Dan meta numru ta’ immigranti li jittamaw li jaslu fil-fruntiera tal-Awstrija rrifjutaw li jinżlu minn ferrovija li kienet iċċirkondata mill-pulizija fil-belt ta’ Bicske, li tinsab xi 40 kilometru ’l bogħod minn Budapest.
L-awtoritajiet Ungeriżi riedu jittrasferixxu l-immigranti lejn kamp tar-refuġjati qrib Bicske. Iżda l-immigranti qed jinkwetaw li jekk jirreġistraw f’dawn l-inħawi jkunu qed jitilfu ċ-ċans li ’l quddiem ifittxu kenn politiku fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra tal-UE.
Fl-istess ħin, mijiet ta’ refuġjati li spiċċaw iżolati f’Budapest ħalfu li jimxu lejn Vienna fl-Awstrija wara li ma ngħatawx permess biex jitilgħu fuq il-ferroviji.
Filwaqt li l-kriżi kulma jmur qed tirranka, l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja pressjoni intensiva biex tadotta politika ‘integrata’ fil-konfront tal-movimenti tal-immigranti li huma l-akbar li qatt rat l-Ewropa mit-Tieni Gwerra ’l hawn.
Min-naħa tiegħu, Antonio Guterres ikkritika s-sistema ‘żbilanċjata’ tal-UE li skont hu qed jibbenefikaw minnha biss it-traffikanti tal-bnedmin.
Tkompli l-kriżi tal-immigranti fl-Ungerija
