Ewropa Lokali

Twissija mill-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea se twissi formalment lill-Gvern Malti dwar l-isfreġju ambjentali li kien qed jitwettaq f’sit protett u klassifikat bħala ‘Natura 2000’ fl-inħawi magħrufin bħala ‘Ta’ Slima’ f’San Lawrenz, Għawdex. Każ li kien żvelat mill-ġurnal ‘In-Nazzjon’ f’Ġunju li għadda.

Kien grazzi għar-rapport f’dan il-ġurnal li l-isfreġju twaqqaf b’azzjoni mill-MEPA li minkejja diversi rapporti, sad-9 ta’ Ġunju li għadda kienet għadha ma ħadet l-ebda azzjoni ta’ infurzar f’dawn l-inħawi.

Issa sar magħruf li l-Kummissjoni Ewropea se tikteb lill-Gvern Malti biex tiġbidlu l-attenzjoni u jkun assigurat li l-awtoritajiet rilevanti Maltin jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex dan is-sit protett ikun ġestit bl-aħjar mod possibbli fl-interess tal-ħarsien tal-ambjent.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet dan fi tweġiba li tat lill-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia li kienet għamlet mistoqsija parlamentari dwar dan il-każ minħabba li s-sit jagħmel parti minn netwerk mifrux mal-Unjoni Ewropea kollha ta’ zoni għall-ħarsien tan-natura.

Comodini Cachia kienet kompliet tispjega li skont ir-rapporti, is-sitwazzjoni tressqet għall-attenzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni serja, u temmet tistaqsi jekk il-Kummissjoni tistax tiddikjara jekk hix se tittieħed azzjoni dwar din il-kwistjoni, anki fid-dawl tal-fatt li f’dik iz-zona jinstabu speċi ta’ pjanti protetti.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni fissret li hi sa dakinhar ma kinitx konxja tas-sitwazzjoni deskritta.

Qalet li l-ġestjoni tas-siti ta’ Natura 2000 hija r-responsabbiltà tal-istati membri imma kompliet li fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta, se tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Maltin rilevanti għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġestjoni adegwata ta’ dan is-sit protett.

Dan wara li zona ambjentali mħarsa u kklassifikata bħala Natura 2000 minn Marzu sfat fil-mira ta’ xi ħadd tefa’ fiha ammont kbir ta’ radam u terrapien, u mbagħad wittieha bit-trab biex l-isfreġju ambjentali li għamel ma jagħtix daqstant fil-għajn.

L-inħawi ta’ ‘ta’ Slima’ fejn twettaq dan l-isfreġju fil-lokalità ta’ San Lawrenz f’Għawdex jinsabu fil-limiti tad-Dwejra.

Eventwalment, fil-partijiet ta’ isfel fejn sar dan l-isfeġju ttella’ ħajt. Is-sorsi li dakinhar kienu tkellmu magħna kienu fissru li r-radam u t-terrapien użat biex intradmet din iz-zona kien materjal tal-kostruzzjoni li allura qered ammont ġmielu ta’ blat verġni, sagħtar u bosta pjanti oħra. Fi ftit kliem, dan l-isfreġju qered kompletament il-fawna u l-flora tal-inħawi.

Sadanittant fil-viċinanzi ta’ dan is-sit il-MEPA kien irnexxielha twaqqaf u tagħlaq ukoll każ ta’ rimi ta’ materjal illegali.

L-Awtorità kienet qalet li kienet qiegħda wkoll tinvestiga u tipprova tidentifika s-sid ta’ kamra li ttellgħet mingħajr permess fl-istess żona.