Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jiddikjara li m’għandhom jittieħdu ebda passi fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech b’rabta mal-inċident traġiku li seħħ waqt il-bini ta’ lukanda fil-Mellieħa.
Fi stqarrija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil riffera għall-akkużi li se jitressqu fil-konfront ta’ Francis Zammit Dimech b’rabta ma’ inċident traġiku li seħħ fl-2012 u sostna li jrid jagħmel il-pożizzjoni tiegħu pubblika għaliex jemmen fi trasparenza sħiħa.
Il-Kap tal-PN qal li wasal għall-konklużjoni li, sakemm il-Qorti tagħti s-sentenza tagħha, m’għandhom jittieħdu l-ebda passi kontra Zammit Dimech mill-Partit, għal diversi raġunijiet.
Francis Zammit Dimech, sostna Simon Busuttil, ma kien bl-ebda mod involut f’dak li seħħ. Hu kien Direttur mhux eżekuttiv li ma kellu l-ebda sehem, la dirett u lanqas indirett, fit-tmexxija tal-kumpanija tal-lukanda fejn sar ix-xogħol ta’ bini.
Francis Zammit Dimech ma jokkupa l-ebda pożizzjoni eżekuttiva fil-Gvern. Kien ikun differenti kieku kien Ministru li għandu rwol eżekuttiv. Iżda mhuwiex. U allura mhemm ebda rwol ta’ responsabbilta’ li wieħed jista’ jneħħih minnu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-inċident li seħħ ma kellu ebda rabta mad-dmirijiet politiċi jew parlamentari ta’ Zammit Dimech u lanqas mad-dmirijiet tiegħu meta kien Ministru u allura m’hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jitkeċċa mill-Partit.
Sostna li Francis Zammit Dimech qed juri spirtu ta’ determinazzjoni f’dan il-mument diffiċli, u hu bħala Kap tal-PN jinsab warajh. Bid-deċiżjoni tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista nforma lill-Grupp Parlamentari, li qabel unanimament mad-deċiżjoni.