Għawdex Knisja Lokali

Issir il-konsagrazzjoni tal-Isqof Koadjutur ta’ Tripli George Bugeja

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

“Konferma minn Alla li f’din id-djoċesi hawn ħafna u ħafna tajjeb, tant li jien inħossni kburi li nagħmel parti minnha”. Hekk saħaq l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech dwar l-għażla tal-Franġiskan Għawdxi George Bugeja biex ikun Isqof Koadjutur ta’ Tripli. Huwa qal dan hekk kif għall-ewwel darba fid-disa’ snin kemm ilu isqof, mexxa l-konsagrazzjoni ta’ isqof ieħor, l-ewwel waħda wkoll li qatt saret fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

L-Isqof Grecg qal li l-Isqfijiet jitkellmu dwar l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu bl-imġiba tagħhom. L-Isqof Grech tenna li mill-Isqfijiet, il-Mulej ma jistenniex kwalitajiet ta’ għalliema għorrief jew amministraturi professjonali, imma biss li jħobbuh fil-proxxmu.

Għaċ-ċelebrazzjoni solenni li damet madwar tliet sigħat kienu preżenti disa’ isqfijiet oħra, ’il fuq minn 80 saċerdot konċelebrant u għadd ta’ aħwa Franġiskani.

Lejn l-aħħar tal-Quddiesa, l-Isqof Grech ħabbar li l-ġabra li saret fid-Djoċesi ta’ Għawdex fl-aħħar jiem biex l-Isqof George Bugeja juża għall-karità fil-Knisja fi Tripli, laħqet is-somma ta’ €14,000.

Iċ-ċelebrazzjoni għalqet bil-barka tal-Isqof il-ġdid u l-kant tas-Salve Regina fil-Kappella tal-Madonna Ta’ Pinu. Ir-Rettur tas-Santwarju offra lill-Isqof il-ġdid, ċurkett bix-xbieha tagħha. Minn naħa tiegħu f’isem il-Papa, l-Arċisqof Savio Hon Tai-Fai offra lill-Isqof Bugeja kalċi biex ikun sinjal tal-komunjoni tal-uffiċċju ġdid tiegħu ma’ Ruma.

Ritratt: Vince Fenech