Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar jiem, l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut tpoġġa taħt att ta’ akkuża, hekk kif fil-Qorti, komplew jiġu żvelati aktar dettalji b’rabta mal-iskandlu tal-visas u l-permessi llegali ta’ residenza. Waqt li l-Ispettur Jonathan Ferris kien qed jagħti x-xhieda tiegħu, hu qal li meta mar l-uffiċċju ta’ Joe Sammut biex jiċċekja l-files, l-eks Teżorier tal-Partit Laburista ‘akkużah li kien qed ifixkel l-investiment f’pajjiżna’.
Il-Partit Nazzjonalista spjega li din hija l-istess akkuża li Joseph Muscat u l-Partit Laburista jagħmlu fil-konfront tal-Oppożizzjoni, kull meta l-Oppożizzjoni ssemma leħinha dwar kwistjonijiet li ma jkunux qed jagħmlu ġieh lill-familji Maltin u Għawdxin.
Jekk hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li jfixkel l-investiment huwa min hu mifni b’korruzzjoni istituzzjonalizzata, u flok ma jindirizzaha, jiddefendi lil min ikun gerfex u ħawwad kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-familji Maltin u Għawdxin u jiddefendi l-interess nazzjonali f’kull ċirkostanza ttemm tgħid l-istess stqarrija.
//= $special ?>

