Il-problema tal-kriminalita fiż-żona ta’ Tas-Sliema, is-Swieqi, San Ġiljan, il-Gżira, San Pawl il-Baħar u San Ġwann u l-madwar qed tkompli tikber hekk kif issa jirriżulta li diversi djar u postijiet residenzjali oħra qed jisfaw il-mira kontinwa ta’ ħallelin li b’faċilita qed jidħlu jisirqu.
L-aħħar każ hu dak ta’ raġel li fl-aħħar siegħat u fid-dawl tax-xemx għamel attentat ta’ serq minn dar fis-Swieqi fi Triq il-Keffa.
Skont l-aħħar rapporti jirriżulta li r-raġel, il-ħalliel ra l-bieb tad-dar li kien ftit imbexxaq u daħal. Dak il-ħin fid-dar kien hemm anzjana ta’ 65 sena li sabet lir-raġel fil-kamra tas-sodda.
Bl-għajjat tal-mara l-ħalliel ħareg jiġri mill-kamra biex jipprova jaħrab. Hu u ħiereġ il-ħalliel ta’ daqqa lill-anzjana f’wiċċha. Fid-dar kien hemm anke bint l-anzjana li ppruvat iżomm lir-raġel iżda ma rnexxiliex bil-ħalliel jirnexxielu jaħrab.
Xi ġirien malli semgħu l-għajjat tal-anzjana ħarġu fit-triq biex jaraw x’ġara u kif raw raġel ħiereġ jiħri mir-residenza kien hemm min ipprova jiġri warajh iżda kollox kien għalxejn.
Għalkemm il-ġirien li ħadu r-ritratt tal-ħalliel ġiethom f’moħħhom idea tajba għaliex b’hekk jiżdied iċ-ċans sabiex il-ħalliel jinqabad mill-Pulizija.
Ir-ritratti tal-ħalliel tpoġġew immedjatment fuq diversi siti soċjali fejn saru l-appelli biex dan il-ħalliel jinqabad. L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-ħalliel mhux Malti.
Dan il-każ kompa jixkef is-sitwazzjoni diffiċli u perikoluża li hemm fiż-żona fejn fl-aħħar ġimgħat ir-residenti qed jilmentaw kontinwament dwar in-nuqqas ta’ sigurtà li hemm fiż-żoni.
Min-naħa tagħhom ir-residenti għamlu anki pressjoni mal-awtoritajiet tal-pulizija iżda s-soluzzjonijiet li kienu offruti ma kinux dawk li jiggarnatixxu serħan il-moħħ lil dawn il-komunitajiet.
Il-biża’ li dawn il-komunitajiet qed jgħixu fiha ġabet ukoll ir-reazzjoni tal-PN li esprima pożizzjoni qawwija u pubblika permezz ta’ stqarrija u appell lill-gvern u lill-Prim Ministru biex jassumi r-reposnsabbiltajiet tagħhom u jiggarantatixxu sigurtà lil dawn ir-residenti.
Il-PN rrikonoxxa l-ħidma li jwettqu l-pulizija individwalment fil-ħidma tagħhom iżda sostna li dawn għandhom riżorsi limitati għaliex il-gvern mhux jindirizza din il-problema.
Il-PN qed jikkritika lill-gvern għall-fatt li minflok jindirizza din il-problema qed jitfa’ r-responsabbilta fuq ir-residenti biex ikunu huma li jassiguraw is-sigurtà.
Fil-pożizzjoni tiegħu l-PN qal li minflok jagħti l-miljuni lil viċin tiegħu, il-gvern hu obbligat li jinvesti fis-sigurtà tal-komunitajiet. Xi ħaġa li mhix issir mill-Gvern.
Dwar is-serq mir-residenzi tkellmu wkoll diversi sindki tal-lokalitajiet milquta fosthom is-sindku tas-Swieqi Noel Muscat li appella lill-gvern biex jikkunsidra b’serjetà t-talbiet tar-residenti u biex dawn jingħataw is-sigurtà meħtieġa mill-awtoritajiet biex ma jibqgħux jgħixu f’dahrom fil-biża’.
//= $special ?>


