L-impjieg ta’ numru ta’ ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jinsab f’riskju hekk kif dan is-sit għandu tagħrif li fl-aħħar jiem uffiċjali tal-General Workers’ Union għamlu laqgħa għal numru ta’ ħaddiema fejn infurmawhom li fl-isptar hemm iktar ħaddiema milli hemm bżonn.
Fl-isfond ta’ dan, il-ħaddiema li kienu preżenti għal din il-laqgħa spjegawlna li l-uffiċjali tal-GWU infurmawhom li jew jaċċettaw li jiġu trasferiti lejn Malta, inkella jridu jaħsbu għal rashom.
Madankollu dawk li jagħżlu li jfittxu impjieg għal rashom, xorta waħda jridu jispiċċaw jaqsmu lejn Malta biex isibu xogħol hekk kif f’Għawdex wieħed ma jsibx sptarijiet privati. Għalhekk, fil-verità l-ħaddiema milquta m’għandhomx għażla.
Skont informazzjoni li waslet għand dan is-sit jirriżulta li l-laqgħa tħabbret b’notifika fuq in-notice boards tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u kienet miftuħa għall-ħaddiema tal-Gvern u n-nursing assistants.
L-informazzjoni li kisbet il-mument tindika li għall-Gvern u l-GWU, l-ħaddiema meqjusa “żejda” huma dawk l-impjegati fi gradi baxxi, b’mod speċjali l-cleaners u n-nursing assistants. Dawn il-ħaddiema, li allura m’għandomx kwalifiċi inkella għandhom kwalifiċi baxxi, se jispiċċaw l-agħar li jintlaqtu. Dan minħabba li jkun ferm iktar diffiċli li jsibu post tax-xogħol alternattiv.
Diżappunt u rabja għall-Gvern
Il-ħaddiema li tkellmu ma’ din il-gazzetta mhux biss esprimew id-diżappunt tagħhom imma fuq kollox urew ir-rabja lejn Gvern Laburista li qabel ħa l-poter kien wiegħed li se joħloq “xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.”
Minflok, u kif jidher biċ-ċar f’din l-aħħar daqqa ta’ ħarta għall-ħaddiema Għawdxin, il-fatti qed juru mod ieħor, billi l-ħaddiema l-iktar vulnerabbli fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed iħossuhom li ġew ingannati.
Ħafna minn dawn il-ħaddiema ddaħħlu mill-kuntratturi wara l-elezzjoni, hekk kif il-Gvern ħareġ numru ta’ offerti pubbliċi biex jiddaħħlu jaħdmu kemm jista’ jkun nies f’dan l-isptar. Dawn il-ħaddiema, li ħafna minnhom kien mingħalihom li qed jaħdmu mal-Gvern, u allura f’moħħhom kien li posthom huwa assigurat, issa jinsabu mbeżża’ li se jitilfu l-għajxien tagħhom mil-lum għall-għada.
Il-privatizzazzjoni tal-IsptarĠenerali ta’ Għawdex
Dan l-aħħar żvilupp ikompli jqajjem tħassib li l-Gvern Laburista qed jippjana li jipprivatizza s-settur tas-saħħa f’Malta, b’mod speċjali l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif irrappurtat dan is-sit fl-aħħar ġimgħat.
Dawn id-dubji diġà tqajjmu fix-xhur li għaddew u f’Marzu li għadda, il-Gvern ma ta ebda assigurazzjoni li l-ebda parti mill-Isptar Ġenerali ta’Għawdex mhu se tiġi pprivatizzata jew se tibda titħaddem mill-privat.
Dan jirriżulta minn tweġiba li ta Konrad Mizzi, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa għal mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said. Fil-Parlament, Chris Said talab lill-Ministru jagħti assigurazzjoni li l-ebda parti mill-Isptar f’Għawdex mhi se tiġi privatizzata jew se tibda titħaddem mill-privat.
Fl-isfond ta’ dan kollu, l-aħbar li għall-Gvern l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandu iktar impjegati milli hemm bżonn tista’ tidher bħala pass ieħor biex titwitta t-triq għall-privatizzazzjoni tiegħu.
L-Oppożizzjoni sorpriża b’dak li ħareġ minn din il-laqgħa
F’reazzjoni għal din l-aħbar, ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg fissret is-sorpriża tal-Oppożizzjoni b’dak li l-GWU qalet lill-ħaddiema. “Il-GWU suppost qed tirrappreżenta u tiddefendi lill-ħaddiema imma minflok spiċċat tavża lill-istess ħaddiema li xogħlhom huwa f’riskju li jintilef,” fissret Claudette Buttigieg.
Hi kompliet li l-laqgħa li saret turi li l-GWU hi miftehma mal-gvern biex tagħmel minn kollox u tikkontrolla r-rabja li għandhom il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
“Gvern li wiegħed li se joħloq ix-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, u issa, fil-mument tal-prova, lill-Għawdxin ma tahom l-ebda għażla ħlief li jaħdmu Malta inkella jaraw x’se jagħmlu,” kompliet Claudette Buttigieg.
Fid-dawl ta’ dawn il-problemi għall-ħaddiema Għawdxin, Claudette Buttigieg qalet li l-Oppożizzjoni se tkompli ssegwi din il-kwistjoni waqt li appellat lill-Gvern biex jirrispetta u jiddefendi lill-ħaddiema. “Il-gvern għandu jagħraf li dawn il-ħaddiema mhux numri, u li wara dawn il-ħaddiema hemm familji sħaħ li jiddependu mill-postijiet tax-xogħol tagħhom,” temmet Claudette Buttigieg, waqt li appellat lill-Gvern biex verament iżomm kelmtu.
Is-sistema tas-saħħa f’Għawdex ukoll mifnija bil-problemi
Taħt Gvern Laburista, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex spiċċa f’abbandun totali tant li fl-aħħar ġimgħat il-mument żvelat sensiela ta’ problemi. Fosthom kif fir-residenza Sant’Anna, li tifforma parti mill-istess sptar u li fiha hemm ammont kbir ta’ anzjani nisa, ma kienx hemm arja kundizzjonata u dan wassal biex l-anzjani għaddew minn tbatija enormi fl-eqqel tas-sajf.
Għal xi żmien il-unit ta’ arja kundizzjonata mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kellu jinqala’ iktar kmieni dan is-sajf biex ittieħed fil-Klinika tar-Rabat, li ta’ kuljum tintuża’ minn mijiet ta’ persuni, u fejn kien hemm ukoll problema serja bl-arja kundizzjonata. Jidher li l-arja kundizzjonata f’din il-klinika ma kinitx qed tiffunzjona għal diversi ġimgħat u fl-aħħar jiem twaħħal unit second hand biex itaffi ftit il-problema.
Fl-istess waqt, is-sezzjoni tal-Isterilizzazzjoni (CSSD) tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex issa ilha magħluqa għal aktar minn għaxar xhur minħabba xogħol ta’ refurbishment li suppost kellu jkun jkun lest fi żmien xahrejn.
Intant mistoqsijiet mibgħuta lill-GWU baqgħu ma ġewx imwieġba sakemm morna għall-istampa:
- Il-GWU tikkonferma li dan l-aħħar organizzat laqgħa għal numru ta’ ħaddiema impjegati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
- Jekk iva, x’kien ikkomunikat lill-ħaddiema mill-uffiċjali tal-GWU li indirizzaw din il-laqgħa?
- X’kienet ir-reazzjoni tal-ħaddiema għal dak li kien ikkomunikat lilhom?
- Il-Gvern qiegħed jikkonsulta mal-GWU dwar il-ġejjieni tal-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
- X’ġie diskuss fit-taħditiet saru jew qed isiru mill-Gvern mal-GWU dwar il-ġejjieni tal-ħaddiema f’diversi skali li bħalissa qed jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
Intant mistoqsijiet mibgħuta lill-GWU baqgħu ma ġewx imwieġba. Minflok il-General Workers’ Union bagħtitilna stqarrija fejn ma ċaħditx li nfurmat lill-ħaddiema li wħud minnhom huma żejda.
//= $special ?>