Lokali

Il-Gvern bla soluzzjonijiet għas-saħħa, t-traffiku u s-serq

Jien ma nemminx f’politika ta’ abbużi; nemmen f’politika li jgawdu minnha n-nies – Simon Busuttil

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat m’għandu ebda soluzzjonijiet għall-kriżi fis-settur tas-saħħa, għat-traffiku dejjem jiżdied f’pajjiżna, kif ukoll għaż-żieda kbira fis-serq. Quddiem dan kollu, minflok joħroġ bis-soluzzjonijiet, il-Gvern ta’ Muscat hu mifni bi skandli u korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’intervista fuq Radio 101 il-Ħadd filgħodu.

Dwar is-saħħa Simon Busuttil qal li fl-eqqel tal-kriżi tas-sajf, il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei ma jidher imkien minkejja li qed jitħallas paga ta’ €84,000 fis-sena. Filwaqt li rringrazzja u sellem lill-infermiera, t-tobba u l-profssjonisti għall-impenn tagħhom, sostna li l-kriżi tinsab fl-amministrazzjoni.

Dwar iż-żieda fis-serq li qed toloqt in-naħat tas-Swieqi u Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan iżid man-nuqqas ta’ fiduċja li għandu l-poplu fil-Pulizija minħabba d-deċizjonijiet ħżiena ta’ Muscat, filwaqt li l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela ma joffri l-ebda soluzzjoni bir-residenti sempliċiment imwissija biex ‘joqgħodu attenti meta jsiefru’.

Dan filwaqt li fit-trasport, jispikka l-faqar fl-ideat tal-Gvern, b’Simon Busuttil jirreferi għall-proposta tal-Gvern biex mingħalih isolvi l-problema tat-traffiku. Hu kien qed jirreferi għall-proposta li t-tfal ikollhom iqumu siegħa kmieni biex il-Gvern mingħalih isolvi l-problema tat-traffiku.

Dan apparti li issa l-Gvern ġie fi kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni, li kien propona li l-Gvern iħallas it-trasport tal-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk privati.

Fl-intervista Simon Busutti tkellem ukoll dwar l-ambjent u rrefera għal ittra tal-Ombudsman li tiddeskrivi l-qasma fil-MEPA bħala pass kbir lura għall-ħarsien tal-ambjent. Meta l-politiku jikkonċentra l-poter f’idejh, ikun qed joħloq spazju għall-korruzzjoni, saħaq Simon Busuttil.

Waqt l-intervista Simon Busuttil fakkar li fil-festi tal-Indipendenza din is-sena se jkun iċċelebrat il-135 anniversarju mit-twaqqif tal-Indipendenza. Festi li jintemmu b’mass meeting fl-20 ta’ Settembru.