Lokali

Ir-raġel ta’ Helena Dalli involut fil-bidla fil-pjani għall-monument għal Dom Mintoff

Patrick Dalli, ir-raġel tal-Ministru Helena Dalli, hu involut fil-bidla fil-pjani għall-monument b’tifkira għall-eks Prim Ministru Dom Mintoff fi pjazza Kastilja.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta Sunday Times u kkonfermata minn kelliem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Minbarra li hu kuntrattur, Patrick Dalli hu wkoll artist u għandu rwol ta’ ko-ordinazzjoni. Ir-rwol ta’ Patrick Dalli, jgħid il-kelliem tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, hu wieħed ta’ voluntier.

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-gazzetta żvelat li l-pjani oriġinali tal-monument ta’ Mintoff, li kien se jieħu l-forma ta’ statwa, twaqqgħu u minflok se jsir mafkar fil-forma ta’ arti astratta. Il-proġett originali kien fdat f’idejn l-iskultur Alfred Camilleri Cauchi wara li rebaħ kompetizzjoni. Minfloku intgħażel direttament l-artist Valerio Schembri mingħajr ebda proċess ta’ kompetizzjoni. Din il-bidla saret ukoll minn wara dahar il-familja Mintoff li kienet involuta u approvat id-disinn oriġinali tal-iskultur Camilleri Cauchi.

Ikkuntattjat minn The Sunday Times, Patrick Dalli irrifjuta li jikkummenta u qal lill-ġurnalist biex jikteb hekk: “Sakemm indum ħaj, mhux se nerġa’ nitkellem mat-Times għaliex gidbu dwari.” Patrick Dalli kien qed jirreferi għall-kwistjoni tax-xogħolijiet illegali li kienu qed isiru fil-farmhouse ta’ Dalli fiż-Żejtun.
Filwaqt li llum qed jieħu ħsieb il-mafkar tal-eks Mexxej Laburista, Patrick Dalli kien fost il-ġemgħa ta’ Laburisti in nfexxew jgħajjru lil Mintoff fi Pjazza San Ġorġ f’Lulju tal-1998 meta ivvota kontra l-Gvern ta’ Alfred Sant.

(Ir-ritratt juri l-pjan oriġinali tal-monument ta’ Dom Mintoff)