Joseph Muscat jinsab maqtugħ mir-realtà tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija wara li f’intervista fuq One Radio nhar il-Ħadd filgħodu Joseph Muscat għażel li jinjora l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin – fost dawn l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-pazjenti fl-Isptar Mater Dei, l-isfidi li qed jiffaċċjaw is-sewwieqa li jeħlu għal sigħat sħaħ fit-traffiku u l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-familji f’Tas-Sliema, is-Swieqi, il-Gżira, San Ġiljan u San Ġwann li jinsabu mbeżżgħin minħabba ż-żieda fis-serq u l-kriminalità.
Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ċar li Muscat ma jridx jirrealizza li l-korruzzjoni istituzzjonalizzata li għandu fil-gvern li jmexxi qed tħalli impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Bid-deċiżjoni tiegħu li ma jiġġilidx il-korruzzjoni istituzzjonalizzata, Muscat qed jikkonferma kemm għandu rasu iebsa u kemm qed jiddefendi lil min iħawwad u jgerfex minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.
Għall-kuntrarju, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil ma jagħmilx bħal Joseph Muscat u jitkellem dwar dak li għaddejjin minnu l-familji Maltin u Għawdxin filwaqt li jagħti l-proposti tiegħu dwar l-isfidi li qed jiffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>