Lokali

“Kriżi fl-Isptar? Xi kriżi hi?” – Chris Fearne

Kriżi fl-Isptar Mater Dei? Xi kriżi hi? Dan hu t-titlu ta’ intervista lis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne u mifruxa fuq żewġ paġni fl-aħħar ħarġa tal-gazzetta Illum.

Matul din l-intervista, Fearne fetaħ attakk sħiħ fuq ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg u, minkejja li issa għaddew kważi sentejn u nofs minn meta l-Partit Laburist ħa l-Gvern, baqa’ jagħti t-tort ta’ dak kollu li qed jiġri fl-Isptar Mater Dei fuq il-Gvern Nazzjonalista.

Hu jsemmi numru ta’ ċifri li, skont hu, ifissru titjib fosthom il-ħin ta’ stennija fl-Emerġenza li minn 13-il siegħa, niżel għal erba’ sigħat.

Ironikament, is-Segretarju Parlamentari Fearne jiġi mgiddeb fl-istess ħarġa tal-istess gazzetta. Filwaqt li fl-intervista, Chris Fearne donnu qed jiċħad li hemm xi kriżi, fuq il-faċċata ta’ quddiem tal-gazzetta hemm artiklu dwar żewġ każijiet fejn, biex jinqdew, qraba ta’ pazjenti fl-Isptar Mater Dei kellhom iċemplu lill-Ministeru tas-Saħħa u saħansitra Kastilja.

F’każ partikolari, raġel li kellu appuntament għal operazzjoni kien ilu jistenna għal mill-inqas sitt sigħat.

Każ ieħor kien dwar anzjan li kellu test mediku fl-Isptar. Minkejja li kellu appuntament, l-anzjan tħalla jistenna madwar disa’ sigħat sakemm sarlu t-test.

Dan, tkompli l-gazzetta, saħansitra wassal biex joħolqulu kumplikazzjonijiet.

F’kummenti li taw lill-gazzetta Illum, il-qraba ta’ dawn il-pazjenti qalu li ma jistgħux jifhmu għalfejn iridu joqogħdu jċemplu xi Ministeru jew Kastilja biex jinqdew minn servizz li qed iħallsu għalih mit-taxxi tagħhom.