Kunsill li nħatar mill-Mexxejja militari tat-Tajlandja ddeċieda li jiċħad l-abbozz għall-Kostituzzjoni ġdida li kien tfassal wara l-kolp ta’ stat tas-sena l-oħra fil-pajjiż.
Dan ifisser li jrid jinħatar kumitat ġdid biex ifassal abbozz ieħor, bil-proċess għandu jipposponi l-elezzjonijiet fit-Tajlandja għal aktar fit-tul.
L-abbozz inkwistjoni kien suġġett għal kritika qawwija, b’mod partikolari fir-rigward ta’ klawżola li tippermetti biex panel ta’ 23 membru jieħu r-riedni tal-Gvern waqt ‘kriżi nazzjonali’.
L-Armata Tajlandiża, is-sena l-oħra, kienet qaċċtet il-Gvern elett ta’ dan il-pajjiż wara xhur ta’ inkwiet.
Intant, il-Kunsill għar-Riforma Nazzjonali, magħmul minn 247 membru, ilbieraħ ma laqax l-abbozz taċ-charter għall-Kostituzzjoni b’135 kontra 105, b’seba’ membri jastjenu.
L-osservaturi f’Bangkok qalu li dan l-abbozz iġġenera oppożizzjoni qawwija minn prattikament in-naħat kollha tal-ispektrum politiku.
Għaldaqstant, kumitat ieħor, issa, għandu 180 ġurnata żmien biex ifassal abbozz ġdid għall-Kostituzzjoni li ‘l quddiem irid jitressaq għal referendum nazzjonali.
Sakemm tgħaddi l-Kostituzzjoni ġdida, il-Gvern militari fit-Tajlandja għandu jkompli jeżerċita l-poteri sostanzjali tiegħu.
//= $special ?>