Internazzjonali

Ma taqta xejn il-mewġa tar-refuġjati lejn il-punent tal-Ewropa

L-awtoritajiet tal-Awstrija u partikolarment il-Ġermanja, bħalissa, qed jistennew il-wasla ta’ eluf oħra ta’ immigranti mill-Ungerija. Dan ladarba l-awtoritajiet ta’ Budapest naqqsu r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar għal dawn il-barranin li jinkludu ammont kbir ta’ refuġjati Sirjani.

Fl-aħħar żviluppi, konvoj ta’ vetturi misjuqa minn attivisti Ġermaniżi u Awstrijaċi qasmu lejn l-Ungerija biex jiġbru lill-immigranti u jgħinuhom jaslu fil-Punent tal-Ewropa. Madwar 140 vettura telqu minn Vienna lejn Budapest bħala parti minn inizjattiva privata mlaqqma ‘refugeeconvoy’.

Tmien il-ġimgħa kien ikkaratterizzat b’dawn il-movimenti ta’ nies kontinwi li użaw diversi mezzi tat-trasport u b’uħud anki jagħżlu li jivvjaġġaw bil-mixi. Intant, ħafna minn dawn l-immigranti waslu – bix-xarabank u bil-ferroviji speċjali — sal-fruntiera tal-Awstrija qabel komplew jivvjaġġaw lejn Vienna u lejn diversi bliet fil-Ġermanja.

Skont l-awtoritajiet Awstrijaċi, mal-10,000 immigrant qasmu bejn l-Ungerija u l-Awstrija f’perijodu ta’ bejn 24 u 48 siegħa. Madwar 1,000 minnhom qattgħu l-lejl tas-Sibt fiz-zona ta’ Nickelsdorf, man-naħa Awstrijaka tal-fruntera, waqt li kienu proċessati t-talbiet tagħhom għal kenn politiku.

Ħafna mill-immigranti bdew jivvjaġġaw mill-Greċja, il-Maċedonja u s-Serbja qabel waslu fil-fruntiera tal-Ungerija lejn in-Nofsinar. Hu minnu li ħafna mill-immigranti li waslu fl-Awstrija komplew jivvjaġġaw direttament lejn Munich, fil-Ġermanja, fejn ir-residenti laqgħuhom b’applawż filwaqt li taw il-ħelu lit-tfal refuġjati.

Il-Pulizija fi Munich qalet li mas-7,000 immigrant li waslu fl-istazzjon tal-belt nhar is-Sibt kienu ttrasferiti lejn diversi ċentri madwar il-Ġermanja biex issirilhom ir-reġistrazzjoni u biex huma jingħataw ikel u lbies xieraq.

Il-Ġermanja u l-Ungerija it-tnejn qalu, sadanittant, li l-miżuri attwali huma intiżi biex jevitaw kriżi umanitarja u li l-miżuri inkwistjoni m’għandhomx iservu ta’ preċedent.