Minkejja li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel tbaxxew ġimgħa wara ġimgħa fil-pajjiżi Ewropej, f’Malta ma rajna l-ebda ċaqliq fil-prezz tal-petrol u d-diesel.
Qal dan Alfred A. Farrugia, il-President tal-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta, f’intervista ppubblikata fil-ħarġa tal-lum ta’ Il-Mument.
Meta mistoqsi minn Il-Mument, dwar ir-raġunijiet għafejn qed jiġri dan, Farrugia qal li r-raġunijiet jistgħu jkunu tnejn – jew li l-kumpanija statali, Enemed, qed ibellgħulha prezzijiet għoljin jew li l-Enemed qed tagħmel qligħ esaġerat minn fuq dahar il-konsumaturi Maltin.
Madanakollu, Farrugia jfakkar li waħda mill-klawsoli tal-kuntratt tgħid li x-xerrej għandu d-dritt li jwaqqaf il-kuntratt mingħajr ebda obbligu li jieħu konsenji li għadhom ma waslux u mingħajr ma jitħallsu l-ebda penali. Għaldaqstant, ladarba l-Enemed ma għamlitx użu minn din il-klawsola, jindika li x’aktarx l-Enemed qed tgawdi minn roħs fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-President tal-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta qal li hemm bżonn issir pressjoni fuq il-Gvern biex jitlaq minn idejh l-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel. Alfred A Farrugia jisħaq li dan għandu jitħalla f’idejn rappreżentanti Maltin tal-kumpaniji barranin taż-żejt filwaqt li l-l-Enemed għandha tinbidel f’regolatur u, jekk trid, iżżomm il-liċenzja biex f’każ ta’ bżonn timporta hi wkoll. Jekk dan ma jseħħx, isostni l-President tal-Klabb Awtomobilistiku ta’ Malta, ma jibqagħlux triq oħra ħlief li jieħu l-każ quddiem l-Unjoni Ewropea.
Fil-prżent, jekk wieħed jieħu l-prezzijiet ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea, il-prezz tad-diesel f’Malta huwa ogħla mill-medja taż-żona ewro, u hu ogħla mill-medja tat-28 pajjiz tal-UE. Fuq kollox, huwa ogħla minn dak ta’ 23 pajjiż tal-UE. Fil-każ tal-petrol hemm 16-il pajjiz tal-UE fejn il-prezz huwa irħas minn Malta.
Dan kollu jfisser li hawn Malta qed inħallsu prezzijiet ta’ iktar minn 26 ċenteżmu għad-diesel minn ċertu pajjiżi tal-UE, u iktar minn 30 ċenteżmu għall-petrol milli qed iħallsu l-konsumaturi fil-Polonja.
//= $special ?>