“Iż-żewġ persuni li lbieraħ ġrew wara persuna li daħal f’residenza fis-Swieqi huma eroj li rriskjaw imma l-azzjoni tagħhom se tkun kruċjali biex jinqabad il-ħalliel.”
Kliem is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat l-għada li raġel daħal f’residenza ta’ anzjana ta’ 65 sena fi Triq il-keffa, fis-Swieqi. Mir-residenza ma nsteraq xejn, għalkemm l-anzjana sofriet minn xokk qawwi wara li sabet ma’ wiċċha lir-raġel li daħal meta hi kienet għand bintha, fl-istess blokk.
Kif il-mara u bintha niżlu isfel, għall-ħabta tat-8:30, huma sabu ma’ wiċċhom lill-ħalliel li dak il-ħin kien fil-kamra tas-sodda jqalleb fil-kxaxen. Dan inħasad, ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ l-anzjana u qaleb lil bintha mal-art u sawwatha wkoll.
Malli r-raġel ħareġ mid-dar, żewġ persuni attirati mill-kommossjoni marru jaraw x’kien qed jiġri. Kien hawn li huma ppruvaw jaqbdu lill-ħalliel, li madankollu deher qed iżomm idu fil-but ta’ wara tal-qalziet u għalhekk kien hemm il-biża’ li kien armat u seta’ jkorrihom.
Iż-żewġ persuni baqgħu jsegwuh, sakemm dan daħal fi Triq Cannataci fejn sab li din ma tinfidx. Madankollu jidher li xorta waħda rnexxielu jaħrab hekk kif kompliċi tiegħu kien qed jistennieh f’karozza ta’ lewn aħdar. Imma mhux qabel iż-żewġ persuni li kienu qed isegwuh ħadu numru ta’ ritratti li mistennija jgħinu mhux ftit fl-investigazzjonijiet.
Ir-riskju li ħadu dawn iż-żewġ persuni saħansitra wassal biex residenti oħra tas-Swieqi ssuġġerew li l-Kunsill Lokali għandu jonorahom b’ġieħ għas-sens ċiviku tagħhom.
Intant dan is-sit hu nfurmat li l-Pulizija għadhom ma ndividwawx lill-ħalliel, u minbarra r-ritratti qed janalizzaw ukoll basket li bl-għaġġla ħalla warajh il-ħalliel u li jinkludi żewġ turnaviti, xugaman, flixkun ilma u żewġ filters tas-sigaretti.
Jidher ukoll li xi persuni għarfu lill-ħalliel, u li skont huma spiss jidher idur qrib il-Bajja ta’ Spinola. L-istess persuna pprova jidħol f’residenza oħra f’San Ġwann, lejliet dan l-attentat ta’ serqa oħra fis-Swieqi.
//= $special ?>