Grupp ta’ ommijiet li jaħdmu fil-qasam soċjali fi stqarrija esprimew tħassib għall-bidliet proposti għall-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijun.
B’reazzjoni għal dawn il-bidliet, l-ommijiet qalu li hu inuman li l-ulied ikunu mċaħħda b’mod intenzjonat mill-omm jew missier bioloġiku. L-għoti ta’ bajda jew sperma qatt ma jistgħu jitqiesu bħala fl-aħjar interess tat-tfal. Huma qalu li wieħed għandu jisma’ mill-esperjenzi li ġarrbu żagħżagħ ifittxu lil ġenitur nieqes.
Dwar surrogate motherhood il-grupp qal li dan qatt ma jista’ jkun att ta’ karita’ jew favur li wieħed jagħmel lil min ma jistax ikollu tfal għaliex din hija esperjenza fejn l-omm u l-wild huma sfurzati jinqatgħu minn xulxin fi żmien fejn l-għaqda u r-rabta ta’ bejniethom suppost tibda.
Fl-aħħarnett, il-grupp qal li kuntrarja għal dak li ingħad minn xi għaqdiet, il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijun la hi diskriminatorja u lanqas omofobika. Dan għaliex il-qalba tiegħu mhux dwar l-adulti imma dwar l-ulied u l-bżonnijiet, il-ħarsien u s-sigurta’ tal-embrijun.
Huma stqarru li jifhmu t-tbatija u l-uġigħ ta’ dawk li jixtiequ jsiru ġenituri u ma jistgħux iżda l-bżonn lit-tifel/tifla jkunu magħquda mal-omm u missier bioloġiku tagħhom għandu jiġi qabel ix-xewq jew is-sodisfazzjon li wieħed isir ġenitur.
//= $special ?>