Lokali

Muscat iwarrab proġett għall-istudenti biex jaqdi lil Ray Zammit

WARA LI KIEN ĠIE ŻVELAT LI RAY ZAMMIT SE JINGĦATA L-EKS KWARTIERI TAL-PBS, ISSA NIŻVELAW:

Muscat iwarrab lill-produttuti indipendenti tat-TV u lill-istudenti biex jaqdi lil Ray Zammit ċensurat minn żewġ inkjesti

Skont pjani mfassla fi żmien Gvern Nazzjonalista il-bini magħruf bħala Television House kellu jkun parti minn Creativity Hub tal-PBS. Dan il-bini kellu joffri faċilitajiet lill-għadd kbir ta’ produtturi indipendenti li dejjem qed jiżdiedu, joffri taħriġ lill-istudenti Maltin fil-professjoni tax-xandir u jġib dħul finanzjarju lill-PBS.

Iżda issa l-Gvern ta’ Joseph Muscat se jwarrab dan kollu sempliċiment biex jaqdi lill-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li kien sfiduċjat minn żewġ inkjesti li waqqaf Muscat stess. Kif żvelat il-mument din l-binja issa se tinbidel f’uffiċċju għal Ray Zammit li sar Kap tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali. il-mument diġà żvelat li qed isir xogħol estensiv biex Zammit ikollu uffiċċji mill-isbaħ.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta il-mument, li rat numru ta’ dokumenti kunfidenzjali li jikkonfermaw li kien hemm pjani estensivi u dettaljati biex il-binja tal-eks kwartieri tal-PBS ‘Television House’, ftit passi ‘l bogħod mill-Isptar San Luqa, tkun rinovata u tinbidel fi spazju li jkun jista’ jintuża, fost għal għanijiet oħra, bħala spazju ta’ akkademja għall-istudenti Maltin u Għawdxin.

Id-dokumenti kienu tħejjew fl-2011 u li kienu ġew preżentanti lil numru ta’ entitajiet fil-proċess ta’ ppjanar għal dik li kellha tkun l-ewwel ‘media hub’ f’pajjiżna.

Fil-pjani oriġinali, din il-‘media hub’ kellha tinkludi mhux biss il-bini tal-PBS li qed jintuża preżentament, u li kien inawgurat fl-2012 bl-aqwa faċilitajiet possibbli, iżda wkoll l-immodernizzar ta’ Television House’. Television House kienet tospita l-kwartieri tal-PBS qabel ma ċċaqlaq kollox lejn il-bini preżenti, magħruf minn ħafna bħala Rediffusion House jew Broadcasting House.

Skont id-dokumenti li rat il-mument, l-immodernizzar ta’ Television House kellu jinkludi l-iżvilupp tal-binja fi spazju għall-uffiċini b’tagħmir modern u kreattiv marbut mal-oqsma tal-media u l-kreattività. Dawn il-faċilitajiet u uffiċini setgħu jinkrew lil entitajiet terzi f’dawn l-oqsma.

Iżda apparti minn hekk, kien qed jiġi ppjanat li jsir kuntatt mal-MCAST u l-Università ta’ Malta biex l-istudenti tal-media jkunu jistgħu jużaw il-faċilitajiet f’Television House, bl-iskop li tinħoloq sinerġija bejn il-PBS u l-istudenti li jkunu qed jitħarrġu fil-oqsma tal-media u l-kreattività.

Dan il-proġett għal Television House kellu jitlesta sa’ tmiem l-2013, però issa kollox jindika li l-proġett ġie abbandunat, hekk kif Television House se tkun qed isservi rwol kompletament differenti bħala uffiċju ta’ Ray Zammit fil-kariga ta’ Kap tal-aġenzija tal-Gvern għall-infurzar lokali.

Iktar fil-gazzetta il-mument…