Internazzjonali

Żamm lil qrabatu msakkrin ġo ċella għal snin

Il-Pulizija fl-Arġentina akkużat raġel talli żamm persuni priġuniera għal żmien kontra l-volontà tagħhom. Il-vittmi, f’dan il-każ, kienu l-mara u l-iben (adult) tal-imputat li kienu ilhom imsakkrin f’ċella għal diversi snin.

L-awtoritajiet qalu li r-residenza tal-imputat, Edgardo Oviedo, għandha kamra fuq wara bil-bieb tal-ħadid li jissakkar minn barra. Din ir-residenza tinsab fil-belt ta’ Mar del Plata, maġenb il-kosta u meta daħlu fil-kamra inkwistjoni, il-pulizija sabu l-platti mimlijin bl-ikel tal-klieb li jaħsbu kienu qed jingħataw lill-omm u binha, li għandu 32 sena u jbati bl-awtiżmu.

Wara din is-sejba, il-prosekuturi qalu li l-kamra inkwistjoni kienet miżmuma ‘fl-agħar kundizzjonijiet li bniedem jista’ jiffaċċja’.

Edgardo Oviedo, li għandu 66 sena, ma rreżistiex lill-pulizija li marru fid-dar tiegħu waqt li hu qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih. Mifhum ukoll li martu qed tbati bi problemi psikjatriċi, bl-iben bilkemm jiflaħ jitkellem b’konsegwenza tat-trawma.

Oviedo, li jaħdem fis-settur tal-bini, spiċċa arrestat wara li żewġ uliedu oħra, li jgħixu fl-istess inħawi ta’ Mar del Plata, taw informazzjoni siewja lill-pulizija. Iż-żewġ ulied qalu li huma, għall-bidu, ‘kienu jibżgħu wisq minn missierhom biex jirrappurtawh’.