Lokali

Analiżi tal-ġurnali

In-Nazzjon tgħid li l-Gvern ta’ Joseph Muscat m’għandu ebda soluzzjonijiet għall-kriżi fis-settur tas-saħħa, għat-traffiku dejjem jiżdied f’pajjiżna, kif ukoll għaż-żieda kbira fis-serq. Quddiem dan kollu, minflok joħroġ bis-soluzzjonijiet, il-Gvern ta’ Muscat hu mifni bi skandli u korruzzjoni istituzzjonalizzata. Ritratt kbir fil-faċċata juri wkoll it-tifkira li saret ilbieraħ biex jitfakkru l-vittmi tal-Assedju l-Kbir fl-okkażjoni tal-450 anniversarju mir-rebħ fuq l-għadu.

The Malta Independent titkellem dwar il-kritika li kien hemm fil-konfront tal-iskema tal-linja card u tikkwota lill-General Manager tal-Malta Public Transport jgħid li l-kritika ma kienetx unfair imma l-iskema mistennija li ssir suċċess. Storja oħra tirrapporta li l-istudenti jmorru akkademikament aħjar jekk l-iskola tibda tard. Ritratt juri wkoll iċ-ċerimonja li kkomemorar il-vittmi tal-assedju.

The Times of Malta tirrakkonta kif raġel b’diżabilità qed jallega li ħames snin ilu hu ssawwat mill-pulizija f’Għawdex. Storja oħra tirrakonta li familja Għawdxija qed tinsisti li l-Lands Department għinhom li jbiegħu biċċa art tal-Gvern lill-terzi persuni. Anke The Times għandha ritratt tal-attività li saret ilbieraħ fil-Birgu.

L-Orizzont bl-istorja prinċipali tagħha tgħid li kwota doppja ta’ immigranti rilokati mill-Greċja mhix realistika. L-Orizzont fi storja żgħira fil-ġenb tiċħad storja dwar il-ħaddiema fl-isptar t’Għawdex, iżda tikkonferma li saret laqgħa. Kif ukoll insibu ritratt bħat-tliet gazzetti l-oħra tal-attività li saret fl-okkażjoni tal-450 anniversarju tar-rebħa fl-Assedju l-Kbir.