Lokali

Filmat: Imħassbin bil-kliem tal-Prim Ministru

‘Life Network Malta’ hi ferm imħassba bil-kliem tal-Prim Ministru Joseph Muscat rigward l-emendi li se jiġu proposti għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun. Miriam Sciberras, il-President tal-Life network Malta.

‘Life Network Malta’ isostnu li l-proposti jagħtu x’jifhem li l-iffriżar tal-embrijun fil-ġuf se jkun introdott fil-liġi Maltija, flimkien mad-donazzjoni tal-bajda tal-mara u ż-żerriegħa tar-raġel.

Għal Life Network Malta’ din l-idea hija nterpretazzjoni żbaljata tal-fatti. L-istatistika riċenti wriet li r-rata ta’ suċċess bil-vitrifikazzjoni tal-bajd hija daqshekk ieħor għolja.

L-Għaqda ssostni li m’hemm ebda riferenza għall-aqwa interessi u l-interessi veri tat-tfal li jistgħu jitwieldu bit-teknoloġija tad-donazzjoni tal-bajda tal-mara u ż-żerriegħa tar-raġel. Din hi nġustizzja gravi għat-tfal li għax m’għandhomx vot u huma mingħajr ebda difiża, se jitwieldu mill-ewwel orfni.

Life Network Malta’ iddikjaraw li n-nuqqas ta’ ħarsien u n-nuqqas ta’ rispett għall-ħajja fil-ġuf se jkompli jitfa’ lis-soċjetà Maltija aktar ‘l isfel bir-riżultat inevitabbli jkun l-introduzzjoni tal-abort.

Malta għandha tkun kburija li bit-teknika wżata u r-rati ta’ suċċess fir-rati ta’ tqala li kellna sa issa ma ssagrifikajniex il-ħajja umana fil-ġuf matul il-proċess u dan partikolarment minħabba pressjoni minn pajjiżi li lleġislaw favur l-abort u li ilhom żmien li abbandunaw ir-rispett għall-ħajja umana fil-ġuf.

Fi stqarrija separat grupp ta’ ommijiet li jaħdmu fis-settur soċjali qal li fid-dawl tal-emendi proposti gġall-Att tal-protezzjoni tal-Embrinjun, huma jħossu li huwa inuman li nċaħħadu lill-ulied b’mod intenzjonat mill-omm jew missier bioloġiku tagħhom. Aħna u nikbru, nifhmu lilna nfusna wkoll f’relazzjoni ma’ ommna u missierna, kemm mil-lat fiżiku kif ukoll dak psikoloġiku.

Għalhekk l-għoti ta’ bajda jew sperma minn donatur qatt ma jistgħu jitqiesu fl-aħjar interess tat-tfal. Tkun ħaġa xierqa li nkunu sensittivi u nisimgħu il-frustrazzjonijiet li żgħażagħ stess li għaddew minn din l-esperjenza jġarrbu, it-tiftix li jagħmlu dwar il-ġenitur nieqes, ġieli anki minħabba raġunijiet ta’ saħħa, it-tama u x-xewqa li jsiru jafu min hu l-missier jew min hi l-omm naturali, il-biża’ li jekk isiru jafu ma jkunux aċċettati minnhom, sostnew l-ommijiet li jahdmu fis-settur soċjali.