Internazzjonali

Franza se tidħol fl-azzjoni kontra l-ISIS fis-Sirja

Il-President Franċiż Francois Hollande ordna li jibdew it-tħejjijiet biex Franza tibda tattakka ġellieda tal-ISIS fis-Sirja. Hu qal li Franza kienet se tagħti bidu għal titjiriet ta’ spjunaġġ fuq l-ISIS fis-Sirja biex imbagħad jingħata bidu għall-attakki mill-ajru.
Imma hu eskluda li kienu se jintbagħtu truppi Franċiżi biex jiġġieldu minn fuq l-art.
Fil-gwerra fis-Sirja, hu stmat li s’issa nqatlu aktar minn 220,000 persuna u aktar minn disa’ miljuni kellhom jaħarbu minn djarhom.
Hollande qal ukoll li Franza kienet lesta taċċetta 24,000 refuġjat li qed jaħarbu mill-gwerra.
Bħalissa Franza qed tipparteċipa fl-attakki mill-ajru kontra l-ISIS fl-Iraq. Ir-Renju Unit u l-Awstralja wkoll jidhru li resqin lejn pożizzjoni simili imma fil-każ tar-Renju Unit, biex isir dan il-pass hemm bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament.
Imma diversi osservaturi qalu li l-Punent u l-alleati Għarab huma neqsin minn pjan konkret ta’ kif se jikkonfrontaw lill-ISIS kif ukoll id-diversi problemi li hemm fis-Sirja.