Il-Gozo University Group (GUG) ressaq il-proposti tiegħu għall-baġit lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Il-proposti kienu mfassla minn sotto-kumitat li twaqqaf għal dan il-għan.
Il-proposti jinkludu tliet punti ewlenin. Fid-dawl tad-domanda dejjem tikber minn studenti Għawdxin għal-akkomodazzjoni qrib l-Universita ta’ Malta, il-GUG qed tipproponi li jinbena hostel għall-istudenti għall-istudenti Għawdxin qrib l-Università, bi ħlas raġjonevoli u li jkun immexxi fuq sistema ta’ means testing.
It-tieni proposta mressqa mill-GUG hija li l-ħlas li l-Gvern jagħti lill-istudenti Għawdxin li jgħixu Malta jibda jingħata wkoll lil dawk l-istudenti li, wara li jkunu temmew b’suċċess l-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom, jibdew isegwu kors full-time fuq bażi privata f’Malta li mhux ibbażat fuq internship, iffinanzjat minn xi korporazzjoni jew offrut ukoll f’Għawdex.
It-tielet proposta titlob iktar avvenimenti kulturali matul l-istaġuni li mhumiex daqstant popolari għat-turiżmu f’Għawdex. B’mod partikolari l-GUG qed jappella li terġa’ tibda tittella’ n-Notte Gozitana.
Il-Gozo University Group qed jittama li dawn il-proposti ma jaqgħux fuq widnejn torox u li jingħaatw il-konsiderazzjoni meħtieġa. Il-grupp jemmen li jekk dawn il-proposti jkunu implimentati, igawdu minnhom l-Għawdxin u l-gżira ta’ Għawdex.