Lokali

Il-gvern għandu jieqaf juża flus il-poplu biex jattakka deputati eletti mill-poplu – PN

L-Oppożizzjoni tinsisti li l-gvern għandu jieqaf juża flus il-poplu Malti biex jattakka u jinsulenta deputati eletti mill-poplu permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Il-mod kif il-gvern qed juża d-Dipartiment tal-Informazzjoni qed jintuża bħala għodda politika mill-gvern fl-istrateġija kontra l-oppożizzjoni kien ittrattat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-komunikazzjoni Clyde Puli u l-kandidat Nazzjonalista Justin Fenech.

Fil-konferenza sar appell qawwi biex il-gvern jieqaf joħroġ stqarrijiet li fihom ikunu mgħajra u insulentati deputati Nazzjonalisti. Liema stqarrijiet ikunu mimlija gideb u ineżattezzi.

Prova ta’ kemm id-Dipartiment tal-Informazzjoni sar sors ta’ manipulazzjoni mill-gvern kienet propju dak li seħħ f’Awwissu li għadda meta propju f’dan ix-xahar relattivament kwiet mill-politika, il-gvern għażel li joħroġ stqarrijiet li fihom jattakka u jinsulenta lill-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami. Dan kollu bi flus il-poplu.

Il-gvern irid jifhem, sostna l-Partit Nazzjonalista, li flus il-poplu qegħdin biex jintuża b’mod tajjeb u mhux biex tiġi attakkata l-Oppożizzjoni.