Lokali

Ir-ritratti li s-sidien tagħhom baqgħu qatt ma nstabu – appell ta’ bint fotografu

Numru ta’ ritratti mill-isbaħ. Minn trabi sa tfal u adulti. Magħmudija, Griżma jew xi tieġ. Kollha ta’ persuni differenti b’xi ħaġa komuni – ħafna mill-persuni li jidhru fihom baqgħu mhux magħrufa.

Dawn ir-ritratti ttellgħu fuq Facebook minn Natasha Ciancio, li l-familja tagħha ilha snin twal taħdem fil-fotografija. Filfatt kien nannuha li f’nofs is-snin 50 xtara post fil-Ħamrun u iktar tard kompla jmexxi n-negozju missierha, Norman.

Ciancio kien u għadu isem rinomat fix-xena tal-fotografija lokali, tant li fil-passat saħansitra kien komuni li xi ħadd li jkun qed jieħu r-ritratti kien ikun indirizzat b'”qisek Ciancio tar-ritratti.”

Illum sfortunatament il-fotografija tradizzjonali qed tintilef kaġun tat-teknoloġija u Ciancio’s Photo Studio fil-Ħamrun se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu għall-fotografija, bit-tradizzjoni tinżamm minn ibnu Ivan.

Kien fl-aħħar jiem, meta l-familja bdiet tnaddaf il-ħanut li nstabu sensiela ta’ ritratti li ttieħdu snin ilu, u li għal xi raġuni jew oħra baqgħu mhux miġbura, mitluqa fl-istudio ta’ Ciancio għal snin.

Is-sejba tar-ritratti wassal biex Natasha għażlet Facebook biex tappella li jinstabu l-persuni li jidhru fuq ir-ritratti biex dawn jiġu ritornati.

L-appell hu biex min jagħraf lil xi ħadd li jidher fir-ritratti, jew jekk forsi xi wieħed minnhom hu int, tagħmel kuntatt qabel dawn ir-ritratti sfortunatament jintilfu, u magħhom il-memorji mill-isbaħ li jġorru.