Lokali

Joseph Muscat jerġa’ jiltaqa’ ma’ uffiċjali mill-Ażerbajġan mingħajr il-preżenza tal-media

Għal darb’oħra, il-Prim Ministru Joseph Muscat jiltaqa’ ma’ uffiċjali ta’ entità mill-Ażerbajġan mingħajr il-preżenza tal-media u mingħajr ma jinforma minn qabel lill-pubbliku u lill-media.

Fejn is-soltu l-Prim Ministru u l-Ministri tal-Gvern ma jitilfux okkażjoni waħda biex jindirizzw lill-media partikoalrment dwar l-enerġija, għal din il-laqgħa kienet adottata strateġija differenti. L-istrateġija tas-silenzju.

Kien nhar il-Ħadd li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa f’Kastilja mal-President tal-kumpanija Socar; il-kumpanija mill-Ażerbajġan li hi involuta fil-bini tal-power station il-ġdida.

Kuntrarajment għal dak li jsir kull darba li l-Prim Ministru jew uffiċjali u ministri tal-gvern ikollhom laqgħat ma’ uffiċjali jew ministri barranin, dwar din il-laqgħa ma ngħatat l-ebda nformazzjoni minn qabel u kienet biss stqarrija tal-gvern akkumpanjata minn ritratt li tat l-informazzjoni lill-poplu li l-laqgħa kienet seħħet.

Il-laqgħa tal-Prim Ministru Muscat f’Kastilja saret mal-President tal-kumpanija Socar Rovnag Abdullayev, li hu wkoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Azera. Propju l-Ħadd Malta lagħbet kontra l-Ażerbajġan f’logħba kompetittiva valida għall-EURO 2016 u għalhekk il-President ta’ Socar kien Malta jakkumpanja lit-tim nazzjonali tal-Ażerbajġan.

Mill-istqarrija bażika li l-gvern bagħat dwar din il-laqgħa jirriżulta li din saret proprju qabel Abdullayev mar Ta’ Qali għal-loghba Malta Ażerbajġan.

Fl-istqarrija tal-gvern tħabbar ukoll waqt il-laqgħa kienu diskussi suġġetti ta’ importanza nazzjonali, fosthom l-enerġija partikoalrment is-sehem tas-Socar bħala parti mill-konsorzju Electrogas. Jirriżulta wkoll li għal din il-laqgħa kien hemm preżenti l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi.

Il-kumpanija Socar u l-Ministru Konrad Mizzi kienu f’nofs kontroversja ftit ilu meta l-Ministru Mizzi ta ordni ministerjali biex jinxtara fuel propju mingħand is-Socar. Din id-deċiżjoni ministerjali ġabet kritika qawwija mill-oppożizzjoni bil-Ministru Mizzi jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu u jiddikjara li hu kien lest jerġa’ jieħu l-istess deċiżjoni.

Permezz tad-deċiżjoni ministerjali tiegħu, l-Enemalta tilfet 14-il miljun ewro wara li għamlet hegding mal-kumpanija tal-Gvern tal-Ażerbajġan Socar. Deċiżjoni li ġabet kritika fl-opinjoni pubblika. Il-laqgħat fil-magħluq mal-ogħla rappreżentanti tal-Gvern tal-Ażerbajġan ikomplu jitfgħu dell negattiv fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern Laburista u l-Gvern tal-Ażerbajġan.