L-Union tal-Għalliema (MUT) qed titlob lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo biex ireġġa’ lura numru ta’ tkeċċijiet fl-MCAST fl-aħħar xhur minkejja l-ħafna wegħdiet li dawn it-tkeċċijiet mhux se jseħħu.
Din it-talba qed issir wara li żewġ lecturers, it-tnejn ċittadini Amerikani li jaħdmu fl-Istitut tal-Arti u d-Disinn, tkeċċew qrib it-tmiem tal-probation tagħhom. Dan minkejja l-fatt li ż-żewġ lecturers dejjem kellhom rapporti pożittivi u qatt ma tressqu ilmenti fil-konfront tagħhom minn naħa tal-amministrazzjoni. Il-lecturers kellhom ukoll volumi ta’ korrispondenza mimlija tifħir u kummenti pożittivi minn studenti u ġenituri.
L-MUT fl-istqarrija tagħha tgħid li dawn it-tkeċċijiet jidhru iktar strambi minħabba li jidher li l-MCAST għandha bżonn is-servizz ta’ dawn iż-żewġ lecturers. Tant huwa hekk li inħolqu postijiet vakanti wara t-tkeċċija tagħhom biex persuni oħra jeħdulhom posthom.
Minkejja li l-MUT tirrikonoxxi li min iħaddem għandu d-dritt li jtemm l-impjieg tal-ħaddiema meta dawn ikunu fuq probation, it-tkeċċija ta’ dawn iż-żewġ lecturers hija dibattibbli għal ħafna raġunijiet u fuq ħafna livelli. Għaldaqstant l-Union qed titlob lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol biex ireġġa’ lura dawn it-tkeċċijiet.
//= $special ?>