Hekk kif mhuma jbattu xejn il-wasliet tal-immigranti fil-Ġermanja, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel faħħret lill-poplu Ġermaniż għall-mod kif aġixxa fil-konfront ta’ din il-kriżi.
Fi tmiem il-ġimgħa kienu madwar 20,000 dawk li daħlu fil-Ġermanja wara vjaġġ mill-art li beda mill-Greċja, u l-Gvern Ġermaniż alloka sitt biljun ewro biex jikkonfronta din il-kriżi.
Iżda Merkel wissiet li l-Ġermanja kienet lesta tagħti l-kenn lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerer filwaqt li dawk li kienu qed jidħlu sempliċement f’tiftixa għal ħajja aħjar kienu se jintbagħtu lura. Il-Kanċillier Ġermaniż qalet li hekk kif il-Ġermanja kienet lesta taġixxi f’din il-kriżi, hu neċessarju wkoll li l-immigranti jitqassmu fost il-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Hi qalet li dan il-fenomenu tal-immigrazzjoni kien se jżomm lill-Ġermanja impenjata għal ħafna żmien u kien se jbiddel lill-pajjiż. Merkel qalet li issa wieħed irid jassigura li l-bidla tkun għall-aħjar.
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban insista li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tagħlaq il-fruntieri għaliex jekk ma jsirx hekk, miljuni oħra kienu se jitħajru jagħmlu dan il-vjaġġ. L-Awstrija wkoll ilmentat li s-sitwazzjoni ma tistax tkompli hekk u kien hemm bżonn jibdew jittieħdu l-miżuri biex jikkonfrontaw din il-kriżi.
Merkel tfaħħar u twissi
